Mill-pandemija għal ksur ta' etika u Joseph - Problemi fuq problemi għal Abela fl-2021

Ma kinitx sena faċli għall-Prim Ministru Robert Abela, li fil-verità qatt ma kellu xi żmien wisq faċli kemm ilu Prim Ministru. Ħarsa lejn uħud mill-problemi li ffaċċja Abela matul l-2021... 

Jekk is-sena li waslet biex tgħaddi kienet ta' inkwiet u uġigħ ta' ras għal xi ħadd, żgur li kienet uġigħ ta' ras għall-Prim Ministru Robert Abela li kellu jiffaċċja prova, wara oħra, wara oħra - sfida wara oħra, wara oħra. Naturalment kull sfida iġġib magħha kontroversja u kritika u wieħed ma jistax jgħid li l-Prim Ministru ma ħariġx xi ftit jew wisq migruf wara din is-sena, minkejja li r-rata ta' approvazzjoni u fiduċja fih - skont il-ħemel ta' sondaġġi xjentifiċi li ħarġu - juru illi huwa baqa' minn fuq, u bil-kbir.  

Il-pandemija kompliet tħarbat! 

Suppost is-sena tal-pandemija kienet is-sena l-oħra, l-2020, meta konna għadna qed nesploraw u nsiru nafu l-effetti tal-Covid-19. Din is-sena, bil-wasla tal-vaċċin tard is-sena l-oħra, kellha tkun is-sena ta' tama li fiha l-Covid-19 issir xi ħaġa tal-passat. Imma ma kellux ikun! Il-pajjiż mar fi prattikament lockdown - in-negozji kollha, inkluż ristoranti, barijiet, ħwienet tal-ħwejjeġ u aktar kellhom jgħalqu l-bibien. Kienet definittivament daqqa kbira fil-moral tal-poplu u daqqa liema bħalha għan-negozji li għat-tieni darba kellhom jgħalqu l-bibien.  

Minkejja li l-Gvern għen ħafna b'diversi miżuri primarjament il-Wage Supplement, l-għajnuniet fil-kera, l-għajnuna fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u anke għajnuniet permezz ta' moratorji, is-sentiment fil-pajjiż mess il-qiegħ u kważi inħass li din id-darba l-poplu Malti - bħal popli Ewropej u diversi popli madwar id-dinja - ħassew din id-daqqa aktar minn meta ingħalaqna l-ewwel darba.  

Abela kellu problemi u sfidi diversi marbutin mal-Covid-19, mhux biss kwistjoni ta' moral imma n-negozju wieqaf, ekonomija xi ftit jew wisq iġġamjata u turiżmu wieqaf ukoll. U meta l-pajjiż beda jneħħi mir-restrizzjonijiet l-isfidi fit-turiżmu baqgħu, speċjalment fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ma tefgħax lil Malta mill-ewwel fuq il-Lista l-Ħadra tiegħu, bil-konsegwenza li l-operaturi tilfu xahar ta' xogħol li ħasbu li ser jirbħu, għax l-istennija kienet li propju pajjiżna jitpoġġa fuq din il-Lista mill-ewwel. Kellna wkoll kwistjonijiet u kontroversji dwar ċeritifikati, mhux biss fuq livell lokali imma anke Ewropew u anke f'każi ta' nies deħlin f'pajjiżna: Ċertifikati li ma bdewx jiġu aċċettati, Maltin li jinqabdu barra u aktar. 

Hekk kif in-negozju inħass li kien irranka sew, kemm dak tal-ħwejjeġ u aċċessorji kif ukoll dak tad-divertiment u ikel u hekk kif il-moral tad-dinja - inkluż tal-Malti - kien reġa' beda jieħu r-ruħ, kellna l-famużi każi fost l-istudenti tal-Ingliż li reġgħu tefgħu - kważi - kollox il-baħar (instabu mijiet ta studenti pożittivi). Dan wassal għal rabja kbira fost il-poplu u fuq il-midja soċjali - rabja diretta lejn il-PM Abela wkoll għaliex wara xhur ta' sagrifiċċji u suċċess fil-vaċċinazzjoni, tħallew jidħlu eluf ta' studenti mingħajr ma kienu vvaċċinati!  

Minkejja dan, fl-2021 ukoll Malta kienet fil-quċċata tal-lista ta' pajjiżi f'termini ta' vaċċin, bl-ogħla rata ta' persuni vvaċinati fid-dinja. L-ekonomija Maltija u ħafna negozji baqgħu fil-wiċċ, anke minħabba l-ħruġ eventwali tal-vouchers, filwaqt li l-poplu seta' xi ftit jew wisq jibda jgawdi s-sajf - għajr għad-dilettanti tal-festi li sfortunatament ma setgħux igawdu l-marċi u l-attivitajiet tas-soltu - anke jekk bosta lokalitajiet ramaw il-pjazza u tellgħu xi nar tal-ajru! Il-fatt li kien hawn sentiment jew perċezzjoni illi bqajna fil-wiċċ, grazzi wkoll għal diversi miżuri li ttieħdu mill-Gvern u ż-żieda fil-konsum, liema ottimiżmu kawt kien imbutatt aktar mill-Baġit meqjus soċjali u pożittiv mis-soċjetà ċivili, żamm lil Abela fil-wiċċ u f'livelli għoljin ta' popolarità.  

Sakemm waslet l-Omicron... 

Is-senserija li niżżlet lil Rosianne! 

Apparti l-uġigħ ta' ras tal-pandemija din is-sena Abela kellu jiffaċċja sfidi interni fil-Gvern tiegħu stess bi tliet membri tal-Gvern jispiċċaw f'kontroversja taħraq ta' natura differenti.  

Għal Rosianne Cutajar - politiku żagħżugħa, promettenti, liberali, affabbli u li kienet qed tagħmel passi kbar 'l quddiem f'diversi oqsma tal-ugwaljanza, razziżmu u anke l-Liġi tal-Kannabis -  din kienet sena diżastruża.  

Fi ftit kliem Cutajar kienet akkużata li - flimkien mal-assistent tagħha Charles Farrugia magħruf bħala 'It-Tikka' - daħlet eluf fi flus mhux iddikjarati minn bejgħ ta' proprjetà fl-Imdina lil Yorgen Fenech - liema bejgħ waqa' wara l-arrest tal-istess Fenech b'konnessjoni mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  

Il-konvenju kien iffirmat f'Mejju 2019 f'Portomaso u Fenech kien ħallas depożitu ta' €300,000 fi flus kontanti.  Cutajar u Farrugia kienu irrapportati illi daħħlu l-flus bħala senserija.  Fil-fatt il-gazzetta The Times irrappurtat kif Cutajar ħadet total ta' €9,000 minn dawn il-flus għaliha, f'senserija.  

Cutajar kellha tirriżenja mill-kariga tagħha sakemm ħareġ l-eżitu tar-rapport tal-Kummissarju tal-istandards, li fil-bidu ta' Lulju tal-2021 sabha ħatja ta' ksur ta' etika meta ma ddikjaratx dawn id-€9,000 minn senserija fid-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tagħha quddiem il-Parlament.  

Minħabba f'hekk hija tilfet l-irwol li kellha, li tah lilha l-PM Abela.  

Din l-uġigħ ta' ras partikolari ma waqafx hemm hekk kif imbagħad il-kwistjoni spiċċat fil-Parlament ukoll fejn il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika talab li Cutajar tiġi mċanfra talli ma ddikjaratx dawn id-€9,000 liema ċanfira - fil-mod kif stenniet l-Oppożizzjoni - ma waslitx u l-kanuni daru fuq l-Ispeaker Anġlu Farrugia.  

Justyne Caruana tirriżenja għat-tieni darba f'leġiżlatura 

Jekk ta' Rosianne Cutajar kienet biċċa uġigħ ta' ras għall-PM, mhux inqas il-kwistjoni ta' Justyne Caruana, li rreżenjat proprju din il-ġimgħa, għat-tieni darba f'leġiżlatura.  

Caruana kienet taħt pressjoni kbira fl-aħħar ġimgħat wara li nstabet ħatja, mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, li kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovich biex iwettaq il-Kurrikulu Nazzjonali tal-Isports, anke jekk qatt ma kellu esperjenza biżżejjed biex iwettaq dan it-tip ta' xogħol li jirrikjedi għarfien f'termini ta' policy, xi ħaġa li fil-fatt ikkonferma l-Kummissarju fir-rapport tiegħu.  

Il-Kummissarju Hyzler qal ukoll fir-rapport tiegħu, li hemm lok għal investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Ministru. Il-Pulizija fil-fatt kkonfermaw l-ġimgħa l-oħra li infetħet investigazzjoni fuq il-kuntratt mogħti lil Daniel Bogdanovich  

The Sunday Times żvelat kif minkejja li Bogdanovidh kellu r-rapporti dwar is-suġġett miktubin f'ismu, fil-fatt allegatament kienu qed jinkitbu minn persuna oħra li taħdem fil-Ministeru. Jidher li l-Ministru kienet taf li r-rapporti ma kinux qed jinkitbu minn Bogdanovich, imma minn Dr Paul Debattista, konsulent tal-Ministru għall-Edukazzjoni. Hyzler insista li dan il-fatt inżamm moħbi minnu meta kien qed jiġbor ix-xhieda f'dan il-każ. 

Wara li l-gazzetta ILLUM żvelat li l-PM Abela qed jistenna li Caruana tirriżenja minn jeddha, propju din il-ġimgħa rreżenjat u ħabbret li mhux se tkun qed terġa' tikkontesta l-elezzjoni.  

Edward Zammit Lewis u l-Ġaħan! 

Abela kellu uġigħ ta' ras oħra minħabba membru ieħor tal-Kabinett tiegħu, din id-darba Edward Zammit Lewis, li anke jekk ma għandux każ ta' ksur ta' etika fuq rasu jew allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, xorta spiċċa f'sitwazzjoni imbarazzanti ħafna! 

Zammit Lewis - Ministru li ra u mexxa 'l quddiem ħafna riformi fl-aħħar xhur, fil-qasam tal-Ġustizzja kif ukoll fil-Governanza, f'dak li jirrigwarda l-Kostituzzjoni, f'dak li kellu jsir biex Malta tirrispetta r-rakkomadazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja kif ukoll - riċentement - bil-bidliet għal aktar salvagwardji għat-tfal mill-abbuż, spiċċa f'kontroversja wara li nkixfu chats li kellu ma' Yorgen Fenech.  

L-aktar punt jaħraq u li qajjem dibatittu iżda kienet il-konverżazzjoni fejn Zammit Lewis qal illi l-votanti tal-PL huma "ġaħan" għax jivvutaw għall-pożi mhux għall-esperjenza, chat li qajjem ħafna kritika u li spiċċa fuq billboard tal-PN madwar il-pajjiż.  

Pero' apparti l-imbarazzament ta' din il-parti taċ-chat, li wasslet biex mal-ILLUM Zammit Lewis kellu japoloġizza, saret l-akkuża wkoll li hu - minkejja li huwa Ministru tal-Ġustizzja - baqa' f'kuntatt ma' persuna, li sa dak iż-żmien kien diġà magħruf li huwa sid ta' 17 Black.  

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM Zammit Lewis qal li l-messaġġi li bagħat hu dejjem kienu fi spirtu ġenwin, sostna li hu qatt ma qagħad jiddiskuti 17 Black u li meta kellmu lil Yorgen Fenech 17 Black "kienet għadha allegazzjoni." Fakkar ukoll li hu kien Deputat u mhux Ministru meta kellu din il-komunikazzjoni ma' Fenech.  

...u Muscat! 

Pero' l-akbar uġigħ ta' ras li kellu Abela din is-sena kien ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Dan ir-rapport kien skjaċċanti dwar il-Gvern ta' Joseph Muscat u għalkemm sostna li ma hemm ebda rabta diretta bejn l-Istat u l-assassinju tal-ġurnalista, jisħaq ukoll li xorta jeħtieġ jerfa' r-responsabilità għall-assassinju ta' Caruana Galizia "billi ħoloq atmosfera ta' impunità, iġġenerata fl-ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f'Kastilja u bħal qarnita infirxet għal entitajiet oħrajn bħall-istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija, li wassal għall-kollass tas-saltna tad-dritt." 

"Il-provi kollha quddiem il-Bord... żvelaw kultura estiża ta’ impunita’ mhux biss għall-uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi “persons of trust”, iżda wkoll għal ċirku ristrett ta’ politiċi, negozjanti u kriminali," jisħaq ir-rapport li fil-konklużjonijiet tiegħu jagħti ħarsa lejn ir-rabtiet bejn in-negozju u l-Gvern, b'mod speċjali permezz tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri.  

Dan ir-rapport wassal għal diversi sejħiet mill-PN u minn Repubblika sabiex il-Prim Ministru jiddiżassoċja jew saħansitra jkeċċi mill-Partit Laburista lil Joseph Muscat. Ir-rapport innifsu poġġa lil Abela f'qagħda mill-aktar antipatka. Minn naħa, ma setax jiddefendi lil Muscat, wara li kien hu stess li ppubblika r-rapport u għax ma kienx jagħmel sens li jiddefendi legat li hu qed jipprova jiddistakka ruħu minnu, minn rapport li huwa propju kundanna għal deċiżjonijiet li ħa Muscat - primarjament li jibqa' sal-aħħar jiddefendi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi - u li skont dan ir-rapport "saħħew l-impunità fil-pajjiż." 

Minn naħa l-oħra kundanna kontra Muscat kienet toħloq inkwiet kbir fil-Partit Laburista, hekk kif għad hemm settur kondsiderevolj (jew kbir) ta' votanti Laburisti li jirrispettaw lil Muscat, u hemm settur ukoll li jirrispettaw lil Muscat aktar milli lil Abela! 

U Ian Castladi Paris jieħu erba' passi lura wara li jirriżulta li għandu jagħti €300,000 lil tat-taxxa!

U finalment fl-aħħar ġimgħat kellu jirtira mill-kandidatura fuq it-Tmien Distrett Ian Castaldi Paris.

Fi kliemu, id-deċiżjoni kien diġà ħadha qabel ma ħarġu rapporti dwaru li għandu jħallas €300,000 f'taxxi u multi

"Wasal iż-żmien li l-prijoritajiet tiegħi jerġgħu jkunu l-familja u ta’ madwari li meta individwu jgħażel li jidħol jagħti servizz jerfgħu miegħu l-piż," insista d-Deputat Laburista.

Kienet il-gazzetta The Times of Malta li żvelat li d-Deputat għandu jagħti madwar €300,000 f'taxxi u penali u dan irriżulta wara li saret investigazzjoni fiskali dwaru u li fiha nstab li kellu eluf ta' ewro fi dħul mhux iddikjarat.

More in Politika