'Il-ħelsien mill-arrest ta' Fenech jservi ta' riskju fuq l-investigazzjonijiet fil-qtil ta' Caruana Galizia'

Il-Qorti Kriminali osservat ukoll li t-twettiq ta’ reat serju min-naħa ta' Yorgen Fenech, ħalla riperkussjonijiet li nħassu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali

F’digriet ta’ sitt paġni, l-Imħallef Edwina Grima, ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest ta' Yorgen Fenech filwaqt li qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti kienet konformi mat-twemmin mħaddna mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fid-digriet ġew indirizzati erba’ raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw din id-deċiżjoni. Dawn huma; ir-riskju li l-akkużat jonqos milli jidher quddiem il-Qorti fil-futur, ir-riskju li l-akkużat, jekk jinħeles, jieħu azzjoni biex jippreġudika l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jagħmel aktar reati, jew jikkawża diżordni fil-pubbliku.

“Ma ninsewx li dan il-każ jikkonċerna t-twettiq ta’ reat serju, li r-riperkussjonijiet tiegħu nħassu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali,” osservat il-Qorti. Id-dritt għall-ħelsien mill-arrest mhuwiex awtomatiku, qalet l-Imħallef.

L-Imħallef innotat li l-Qorti Kostituzzjonali esprimiet ruħha dwar iċ-ċirkustanzi dwar id-delitt li bih jinsab akkużat Fenech, u qalet li l-qtil kien “attakk profond fuq id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti li għandhom dritt jinvestigaw, jistaqsu u jirrapportaw. Ħidma li hija fiċ-ċentru ta’ kull demokrazija. Caruana Galizia kienet ġurnalista li investigat u ppubblikat stejjer dwar l-allegat korruzzjoni li jinvolvu persuni li jokkupaw kariga tal-Gvern jew li huma qrib il-Gvern.”

Id-deċiżjoni tal-imħallef Grima tkompli tispjega li l-kunsiderazzjoni primarja f’talba għal pleġġ marbuta ma’ każ bħal dan huwa l-periklu ta’ preġudizzju għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, “mhux biss minħabba l-biża’ reali, kif intqal qabel, li l-akkużat jaħrab, iżda wkoll dik ta’ interferenza mal-evidenza u investigazzjonijiet li għaddejjin”.

L-imħallef osservat ukoll li dawn il-biżgħat kienu diġà riflessi f’digriet tal-Qorti Kriminali, maħruġ ftit xhur ilu, li qal li “għall-inqas f’dan l-istadju, għadhom jiġġustifikaw id-detenzjoni tal-applikant.”

More in Politika