L-Oppożizzjoni tressaq Abbozz biex jinbidel il-mod kif inhu magħmul il-Kumitat tal-Istandards

...Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li d-demokrazija qed terġa' tiġi mhedda

L-Oppozizzjoni ppreżentat Private Member's Bill li permezz tagħha qed jintalab li jkun hemm bidla fil-mod kif inhu kompost il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika minn kif inhu llum - b'żewġ Deputati tal-Gvern, tnejn tal-Oppożizzjoni u l-Ispeaker li jmexxih. L-Oppożizzjoni trid li jkun hemm membru tal-Gvern, membru tal-Oppożizzjoni u tlieta li jkunu nominati - minn barra l-Parlament - li jintgħażlu wara l-vot ta' żewġ terzi tad-deputati tal-Parlament. Wieħed minnhom imbagħad jinħatar Chairman tal-istess Kumitat. 

B'hekk tkun assigurata l-indipendenza ta' dan il-Kumitat u allura wkoll li dan ikun jista' jopera, qal id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina waqt konferenza tal-Aħbarijiet fil-Kamra tal-Parlament li hija ddedikata għall-Oppożizzjoni. 

Intant l-Oppożizzjoni qed tipproponi wkoll li tinbidel id-definizzjoni ta' min jaqa' taħt l-iskrutinju ta' dan il-kumitat, biex dan jibda jinkludi wkoll lill-eks Prim Ministri, eks Ministri u anke eks Segretarji jew Assistenti Parlamentari. 

Dawn il-proposti jiġu wara mozzjoni tal-istess Oppożizzjoni li fiha talbet għal dibattitu urġenti dwar l-aġir tal-Ispeaker li l-Oppożizzjoni qalet illi kien inaċettabbli, meta dan ma tax iċ-ċanfira mistennija lid-Deputat Rosianne Cutajar u anke wara ittra li bagħat lil Matthew Caruana Galizia. Intant nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat li l-PN mhux qed jeskludi bojkott tal-Parlament jekk l-affarijiet jibqgħu ma jinbidlux u ma jkuxn hemm żviluppi f'dawn il-każi. 

Robert Cutajar qal li jkun ta' xejn li hemm Kummissarju tal-Istandards jekk imbagħad id-deċiżjonijiet "jitħallew fil-kexxun" filwaqt li Therese Comodini Cachia ddeskriviet dan l-abbozz li qed iressaq il-PN bħala wieħed li jindirizza dawk li jsejjaħ "manuvri" li saru fl-aħħar snin. 

Il-Kap tal-PN Bernard Grech sostna li d-demokrazija llum - kif ġara fil-passat - reġgħet qed tkun mhedda b'modi differenti u qal li għalhekk hemm bżonn li jitjieb il-mod kif jaħdem il-Parlament. Huwa ddeskriva bħala "mhux aċċettabbli" id-deċiżjoni tal-Ispeaker fil-konfront tad-Deputat Rosianne Cutajar. "Jekk nittolleraw dan inkomplu indgħajfu d-demokrazija u nħallu lill-Prim Ministru u Deputati jibqgħu ma jkunux kontabbli għall-aġir tagħhom," temm isostni l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. 

More in Politika