Intervista | ‘Malta mhijiex ċkejkna daqskemm naħsbuha ... għandna fost l-aktar ekonomiji miftuħa’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej dwar l-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ Malta. Pajjiżi oħra se jagħtu kas x’tgħid Malta? Xi tfisser in-newtralità? Ir-reputazzjoni kif qed taffettwa r-relazzjoni tagħna ma’ pajjiżi oħra? 

Fl-aħħar jiem, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej nieda l-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ Malta għall-proċess ta’ konsultazzjoni. Din hija l-ewwel darba li l-politika barranija ta’ Malta tfasslet f’dokument strateġiku.  

Iżda kemm hi importanti r-relazzjoni ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra. Pajjiżi kbar se jagħtu kas dak li tgħid Malta? Dwar dan, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo li saħaq li din l-istrateġija hija qafas li jagħti direzzjoni lill-politika barranija ta’ Malta.  

“Hemm żewġ fatturi kbar li l-pajjiżi kollha qed jaħsbu dwarhom. Waħda hija l-bidla fil-klima li qed tbiddel kollox. Din ma għadhiex biss xi ħaġa tal-Ministru għall-Ambjent għax qed tolqot kollox, mit-turiżmu, għall-investiment u l-agrikoltura. It-tieni kwistjoni hija l-Covid-19,” saħaq il-Ministru. “Inbena aktar għarfien li d-dinja ma tistax tibqa’ kif kienet.” 

Għalhekk, kompla jispjega, dan kien il-mument opportun biex Malta tevalwa u tirrifletti kif se tkun ir-relazzjoni tagħha, ma’ pajjiżi oħra, għas-snin li ġejjin. 

Fakkar li Malta għandha fost l-aktar ekonomiji miftuħa fid-dinja.  

“Aħna nimportaw kważi kollox u nesportaw kważi kollox. Jekk pajjiżi oħra waqt il-Covid-19 għamlu t-turiżmu intern, aħna għalina dak mhux biżżejjed. Żort fabbrika li tesporta lejn 70 pajjiż u staqsejtha kemm taħdem jekk tipproduċi biss għas-suq Malti. It-tweġiba kienet nofs siegħa biss fis-sena,” spjega. 

Kien għalhekk li insista li l-politika barranija ta’ Malta hija sempliċiment kontinwazzjoni tal-politika domestika.  

“Jekk jogħla ż-żejt, jogħla l-gass, jogħla r-ross, jogħla l-qamħ jew jispara ‘l fuq il-prezz tal-ġarr, dan lilna kollu jaffettwana. Dan li semmejt kollu qed iseħħ bħalissa. Aħna miftuħin u allura biflors irridu nsegwu x’jiġri fil-bqija tad-dinja,” spjega l-Ministru. 

‘Irridu nkunu ħbieb ma kemm jista’ jkun pajjiżi’ 

Propju għalhekk li Malta trid tkun “ħbieb” ma’ kemm jista’ jkun pajjiżi. “Jekk hemm 192 stat sovran ieħor fil-Ġnus Magħquda, aħna kemm jista’ jkun irridu nkunu ħbieb magħhom,” saħaq. 

Dan mhuwiex faċli, anke għax fi kliemu, bħalissa d-dinja għaddejja mill-aktar perjodu turbolenti fl-aħħar 75 sena, fir-relazzjonijiet internazzjonali. 

“Nitkellem ma’ eks ministri li jiftakru anke l-gwerra bierda u jgħidulek li ma jiftakrux perjodu fejn kien hemm daqshekk kunflitti fir-relazzjonijiet internazzjonali,” insista Bartolo. “Illum nieħdu gost li l-President Ċiniż u l-President Amerikan jitkellmu. Fi żmien il-gwerra bierda, il-kuntatti kienu regolari. Ma jfissirx li kienu jaqblu imma kienu jitkellmu. Bejn l-UE u r-Russja, ir-relazzjoni hija kważi nieqsa għal kollox.” 

Imma l-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Ministru x’tista’ tagħmel Malta? Imbilli ssemma leħinha fuq dawn il-kwistjonijiet jew kunflitti, x’differenza se tagħmel? Aħna żgħar? Min se jieqaf biex jisma’ lilna? 

‘X’jiġri fil-bqija tad-dinja jinfluwenzana l-ħin kollu’ 

Insista li huwa fatt li Malta ftit tista’ tinfluwenza x’jiġri fil-bqija tad-dinja iżda saħaq li tista’ tinfluwenza kif il-bqija tad-dinja tolqot lilha. 

“X’jiġri fil-bqija tad-dinja jinfluwenzana l-ħin kollu. Għalhekk importanti li jkollna politika barranija u nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ pajjiżi oħra biex kemm jista’ jkun ma nintlaqtux ħażin,” insista. 

Dar fuq il-Libja u fakkar li Malta minn dejjem kienet attiva u taħdem biex ikollha relazzjoni tajba mal-Libja għax fi kliemu, x’jiġri fil-Libja, jolqot ħafna lil pajjiżna. 

“Ilna sekli fil-Libja. Hija art ta’ opportunità, ta’ investimenti, impjiegi u kummerċ. Aħna rridu naħdmu mal-Libjani biex dak li jiġri hemm ma jweġġax lilna,” qal il-Ministru. “Aħna rridu nitkellmu ma’ kulħadd.” 

‘Malta mhijiex biss id-daqs ġeografiku’ 

Fi kliemu, allaħares Malta tirraġuna li għax hi żgħira, ħadd mhu se jagħti kasha u allura tingħalaq fiha nnifisha. 

“Iċ-ċokon ta’ pajjiżna mhuwiex ċkejken daqskemm nagħmluh. Id-daqs ġeografiku huwa ċkejken imma mbagħad 80% tal-merkanzija li tmur il-Libja tgħaddi minn Malta. Il-footprint ta’ Malta u Għawdex mhijiex ikkalkulata skont il-kobor tal-ambaxxati tagħna. Il-footprint ta’ Malta huwa dak kollu li joħroġ minn Malta kemm fi prodotti u anke f’servizzi, fost affarijiet oħra,” saħaq il-Ministru. 

Fakkar pereżempju fil-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-microchips li huma ħafna importanti fid-dinja tal-lum. 

“Il-prodotti kollha tal-STMicroelectronics huma preżenza ta’ Malta fil-bqija tad-dinja. L-uniku impjant li din il-kumpanija ma għalqitx fi żmien il-Covid-19 kien dak ta’ Malta. Dik hija Malta wkoll. Malta mhijiex biss il-lista l-griża,” insista l-Ministru. 

Lura għall-argument dwar iċ-ċokon ta’ Malta, il-Ministru insista li l-aktar ċokon li jista’ jagħmlilna ħsara, huwa ċ-ċokon fil-mentalità. 

“Aħna rridu nkunu realistiċi. Ma rridux inkunu rasna kbira u naħsbu li l-univers idur magħna imma lanqas ma naħsbu li aħna xi tikka insinifikanti li lanqas nidhru fuq mappa. Aħna għamilna ħafna passi ‘l quddiem,” insista l-Ministru. 

Irrefera għall-Human Development Index, ippubblikat kull sena mill-Ġnus Magħquda. Minn 189 pajjiż, Malta tinsab fit-28 post. Dan jikkalkula s-sistema tas-saħħa u tal-edukazzjoni, il-kwalità tal-ħajja u kemm jgħixu n-nies fit-tul. 

“Dawn iż-żewġt igżejjer mhumiex insinifikanti daqskemm naħsbu,” saħaq. 

Insista li l-preżenza ta’ Malta mhijiex biss fil-kummerċ, fis-servizzi jew fit-turiżmu. Fakkar ukoll fil-preżenza reliġjuża madwar id-dinja. 

“Għandna nies li huma fil-kontinenti kollha u li jagħmlu l-ġid,” saħaq Bartolo. “Fil-Pakistan, is-Sorijiet Franġiskani Maltin imexxu skola f’pajjiż Musulman. Dik hija Malta. Fl-Etjopja għandna għaxar min-nies. Minnhom, sebgħa huma reliġjużi Maltin li jmexxu skejjel u orfanatrofji. Wieħed minnhom huwa n-Nunzju Appostoliku. Dik hija Malta.” 

Tenna li huwa fl-interess ta’ Malta li żżomm relazzjoni tajba u mingħajr l-ebda prużunzjoni, tipprova tgħaddi kelma ta’ ġid anke fejn ikun hemm kunflitt. 

‘Armi ma għandnix ... imma ħsara nistgħu nagħmlu’ 

Kien hawn li tkellimna dwar il-kwistjoni ta’ newtralità li l-istrateġija titkellem ħafna dwarha. L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru jekk din tfissirx li Malta tibqa’ dejjem passiva, anke quddiem kunflitti kbar. 

“Newtrali ma tfissirx li aħna nibqgħu b’idejna fuq żaqqna. Aħna membri fil-Ġnus Magħquda. Nittamaw li fis-sena 2023-2024 inkunu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà għat-tieni darba,” beda jispjega Bartolo. “Aħna se nkunu hemm mal-kbar u se nwasslu messaġġ.” 

Fakkar ukoll li anke jekk ħafna drabi l-importanza tingħata lil pajjiżi bħall-Istati Uniti tal-Amerka jew inkella ċ-Ċina, il-maġġoranza tal-istati fid-dinja huma stati żgħar. 

“Bħala pajjiż żgħir, aħna nistgħu ngħidu ċertu affarijiet għax aħna ma għandnix aġenda,” kompla l-Ministru Bartolo.  

Insista li Malta ddeċidiet, meta għażlet in-newtralità, li minnha ma jsirux attakki bl-ajru jew bil-baħar u lanqas ma jkollha hawn bażi militari. Imma ftakar li dan ma jfissirx li Malta ma tistax tagħmel ħsara. 

“Jekk aħna nħallu lil pajjiżna jsir ċentru għall-kuntrabandu taż-żejt, għat-traffikar tad-droga jew għall-ħasil tal-flus, nistgħu nagħmlu l-ħsara. Illum nista’ nattakka pajjiż mingħajr ajruplani jew missili, imma b’mod ċibernatiku. Id-daqs mhuwiex importanti. Meta aħna ngħidu li ma rridux inħallu lil pajjiżna jagħmel ħsara lil pajjiżi oħra, hija xi ħaġa pożittiva,” kompla jisħaq. 

Fakkar li Malta għandha politika attiva ta’ sigurtà fiċ-ċentru tal-Mediterran, għax minn hawn jgħaddi kwart tal-kummerċ tad-dinja. 

“Kieku aħna nħallu lil pajjiżna u ta’ madwarna għall-kummerċ maħmuġ, nagħmlu l-ħsara. Dak ukoll huwa d-daqs ta’ pajjiż. Il-pożizzjoni tagħna fil-Mediterran hija importanti ħafna,” kompla. “Importanti għax aħna mhux biċċa minn ħaddieħor u s-saħħa tagħna żdiedet għax aħna parti mill-Unjoni Ewropea.” 

Qal li ftit tal-ġimgħat ilu kellu laqgħa ma’ Ministru Ċiniż.  

“Tista’ timmaġina kif tħossok titkellem ma’ Ministru taċ-Ċina. Hu stess qalli li l-pożizzjoni tagħna hija importanti għax ninsabu fit-tarf tal-Ewropa, l-Afrika u huma jżidu wkoll l-Asja,” saħaq. “Mhux ngħid li aħna ċ-ċentru tad-dinja imma niżbaljaw jekk narmu lilna nfusna.” 

‘Ma nistgħux inkunu passivi...’ 

Kien għalhekk li saħaq li Malta mhux talli ma tridx tagħmel ħsara, talli fejn tista’ tgħaddi kelma għall-ġid. 

“Nieħdu l-borma tagħli tal-Mediterran bejn l-Eġittu, it-Turkija, il-Greċja u Ċipru. Dawn kollha jriduna nżommu magħhom. Aħna nitkellmu favur il-kompromess u d-djalogu,” saħaq. “Bilfors irridu nkunu attivi. Jekk inkunu passivi, aħna nkunu ħut mejjet li jinġarr mal-kurrent u kurrenti hawn ħafna.” 

‘Biex din l-istrateġija tagħmel sens trid tkun tal-pajjiż sħiħ’ 

Fit-tnedija tal-istrateġija, il-Ministru Bartolo qal li l-għan prinċipali ta’ din l-istrateġija huwa politika barranija li sservi lin-nazzjon, l-interessi u liċ-ċittadini tagħna. L-ILLUM staqsietu biex jispjega dan b’mod konkret. 

Beda jispjega li l-politika barranija mhijiex biss xi ħaġa tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin. Lanqas ma hi xi ħaġa tal-kabinett, imma tal-pajjiż kollu kemm hu. 

“Biex din l-istrateġija tagħmel sens trid tkun tal-pajjiż sħiħ. Inkella kif se niġbdu l-kummerċ jew l-investiment? Għalhekk diġà ressaqna dan id-dokument quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u għalhekk se nitkellmu mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku,” spjega Bartolo. “Jekk kien hemm prova kemm dan il-Ministeru jrid jaħdem ma’ kulħadd u ma’ ministeri oħra, żgur li kien fi żmien il-pandemija.” 

Fakkar li kien hemm nies li riedu jiġu lura minn diversi pajjiżi, anke dawk ‘il bogħod. Aħna ridna nġibuhom u dan billi ħdimna ma’ ħafna entitajiet oħra, fosthom mal-ambaxxati u mal-Air Malta. 

“Kellna bżonn ilbies protettiv għall-Covid. Ħdimna ma’ sħabna tas-saħħa u ġibnihom. Pajjiżi oħra qalulna li kellhom ċittadini li riedu jirritornaw. Aħna ħdimna biex nassiguraw li dawn jirritornaw. Dejjem trid taħdem ma’ gvernijiet differenti, ministeri u entitajiet oħra,” saħaq il-Ministru. 

‘... għandna nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta pubblika’ 

Tkellimna fuq ir-reputazzjoni, bl-ILLUM tistaqsih li r-reputazzjoni ta’ pajjiż hija importanti meta jiġi biex ipoġġi ma’ pajjiżi oħra għad-diskussjoni. Il-fatt li Malta hija l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea fuq il-lista l-griża, dan mhux qed itappan ir-relazzjoni tagħha ma’ pajjiżi oħra? Aħna se nitkellmu kontra l-korruzzjoni? 

“Wieħed irid ikun onest għax inkella ma nsolvux problemi,” beda jisħaq il-Ministru.  

Fakkar kif aktar kmieni din is-sena, il-Gvern organizza diskussjonijiet virtwali ma’ madwar 2,500 ruħ minn 70 pajjiż differenti, minn oqsma varji, fosthom regolaturi, ekonomisti, nies fil-qasam tal-liġi etċ. Id-diskussjoni kienet dwar il-ħasil tal-flus, il-finazjament tat-terroriżmu u l-korruzzjoni. 

“Aħna qajjimna din id-diskussjoni u apprezzaw. Min irid iħawwad u min irid jieħu sehem f’reati ekonomiċi internazzjonali, se juża kull pajjiż fejn jista’,” saħaq il-Ministru. 

Propju għalhekk li x-xewqa tal-Ministru Bartolo hija li jkun hemm netwerk ta’ pajjiżi żgħar biex flimkien jiġġieldu dawn ir-reati. Fil-fatt, dwar dan, diġà kien hemm diskussjonijiet ma’ Ministri oħra barranin u organizzazzjonijiet internazzjonali. 

“Dawn kollha jippridkawlna u jagħtuna fuq rasna. Aħna qed ngħidulhom biex apparti li jiġbdulna l-attenzjoni, jgħinuna niffaċċjaw u nindirizzaw dawn l-isfidi, għax dawn mhux l-ewwel darba li ħallew ċittadini tagħhom jużawna bħala fossa. Il-ħmieġ jinġabar hawn imma ġej minn xi mkien ieħor,” saħaq il-Ministru. 

Fakkar pereżempju kif Malta hija fost l-akbar reġistraturi ta’ vapuri u għamlet proposta li qed tintlaqa’ tajjeb. Insista li jekk xi ħadd juża vapur irreġistrat bil-bandiera Maltija għal kummerċ maħmuġ u jitħassar minn fuq ir-reġistru marittimu Malti, ma għandux imbagħad jitħalla jirreġistra f’pajjiż ieħor. 

“Hekk jiġri b’nies li r-regolaturi f’Malta ma jaċċettawhomx. Immorru pajjiżi oħra u jaċċettawhom. Aħna qed ngħidu li għandu jkun hemm patt bejn il-pajjiżi biex jaqsmu l-informazzjoni flimkien,” saħaq il-Ministru. 

‘Dan il-Ministeru mhuwiex make-up artist’ 

Dwar il-lista l-griża tal-FATF, il-Ministru insista li Malta għandu jkollha l-kuraġġ u l-onestà li tiffaċċja n-nuqqasijiet tagħha u tirranġaha. 

“Dan il-ministeru mhuwiex make-up artist. Dmirna mhux li nagħmlu l-make-up fuq xi ħaġa kerha biex ma tibqax kerha imma li nbiddlu dak li hemm bżonn inbiddlu. Fuq il-kwistjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lil lilna għamlilna ħafna u ħafna ħsara, hemm biss triq waħda, jiġifieri li toħroġ il-verità kollha u jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet kollha li hemm fl-inkjesta pubblika,” insista Bartolo. 

Saħaq ukoll li kien hemm min ikkritikah li ma rnexxilux jikkonvinċi biżżejjed lil membri tal-FATF biex ma jivvutawx kontra Malta. 

“Għandek prodott u r-reklamar tiegħu. L-aqwa riklam huwa l-prodott innifsu,” saħaq Bartolo. “Anke hawn irridu nkunu u qed inkunu attivi. Jekk xi ħadd prova juża strutturi f’Malta biex jaħbi flus maħmuġa, ma għandux ikun aċċettat minn pajjiżi oħra.” 

‘Aħna nistgħu nitkellmu għax ma għandnix aġenda’ 

Tkellimna wkoll fuq is-sostenibbilità li l-istrateġija wkoll issemmi. Insista li Malta mhux l-ewwel darba li ħarġet bi proposti kbar f’dan ir-rigward. Fakkar kif fl-1969 kien diplomatiku Malti, Arvid Pardo, li ħareġ bl-idea li l-ġid f’qiegħ il-baħar għandu jkun wirt komuni tal-umanità.  

“Dik se joħroġ biha pajjiż kbir li għandu s-saħħa jaħtaf fejn jista’ jaħtaf?,” staqsa l-Ministru. “Konna aħna li fl-1988 għidna l-ewwel li l-kwistjoni tal-klima hija ta’ tħassib għall-umanità kollha.” 

Kien hawn li l-Ministru insista li anke fil-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, Malta trid issemma’ leħinha għall-bqija tal-pajjiżi ż-żgħar. Qal li hu jikkalkula li minn madwar 190 pajjiż, 40 jikkwalifikaw bħala stati żgħar. 

“Dawn huma l-inqas li jipproduċu tniġġis u huma l-aktar li se jweġġgħu,” saħaq Bartolo waqt li semma pajjiżi żgħar fil-Paċifiku li l-ogħli fil-livell tal-baħar diġà beda jaffetwahom. “L-għelieqi tagħhom spiċċaw. Qed jieklu biss ikel tal-bott. Tista’ timmaġina? Saħħithom diġà marret lura.” 

Fakkar ukoll li tliet kwarti tal-oċeani ma huma tal-ebda pajjiż u hemm qed isiru atroċitajiet kbar. 

“Huma pajjiżi bħalna li rridu nitkellmu dwar dan. Pajjiżi kbar mhux se jitkellmu fuqhom. Bħal meta nitkellmu fuq in-nefqa fl-armamenti. Is-sena li għaddiet, id-dinja ma sabitx 50 biljun dollaru biex nagħtu t-tilqima lid-dinja kollha imma 72 biljun dollaru biex nimmodernizzaw l-armi nukleari tagħna, sibnihom. Kien hemm pajjiżi li ma kellhomx biżżejjed għall-ventilators imma ffirmaw biex ikollhom aktar armi, arjuplani u bastimenti tal-gwerra,” insista. 

Fi kliemu, huma pajjiżi bħal Malta li jistgħu jitkellmu u jqajmu kuxjenza dwar dan għax ma għandhomx aġenda. 

“Se jagħtu kasna? Jekk ma ngħidu xejn żgur mhux se jagħtu kasna. Aħna nistgħu nqajmu kuxjenza,” temm jisħaq il-Ministru. 

More in Politika