Inkwiet għal Grech... distakki ta' madwar 46,000 vot u distakki akbar f'min il-poplu jrid Prim Ministru

L-illum.com.mt iqabbel is-sondaġġi tal-gazzeta Maltatoday u dal tal-lum ta' The Sunday Times - u l-istampa mhi sabiħa xejn għal PN, b'distakki enormi xhur biss qabel elezzjoni

Minkejja attentati diversi, proposti u anke l-fatt li l-Partit Nazzjonalista donnu xegħel il-magna elettorali d-distakki reġistrati Novembru f'żewġ sondaġġi differenti - dak ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday u dak tal-lum ippubblikat minn The Sunday Times - jiġu rreġistrati prattikament l-istess distakki, madwar 46,000 vot favur il-Partit Laburista. 

Dak tal-Maltatoday ppubblikat nhar it-8 ta' Novembru juri kif il-Partit Laburista kien jikseb 43.3% tal-voti kieku kellha ssir elezzjoni fit-8 ta' Novembru filwaqt li 29.8% kienu jivvutaw PN. 13.4% wieġbu li ma jafux u 11.6% qalu illi ma jivvutawx - distakk ta' 46,000 vot.

Dak ippubblikat illum juri kif kieku kellha ssir elezzjoni issa 42.1% jivvutaw PN u 56.5% lill-Partit Laburista - distakk ta' 46,950 vot. Id-differenza fin-numri bejn sondaġġ u ieħor tista' tkun spjegata b'mod sempliċi. Dak ippubblikat illum juża mekkaniżmu li permezz tiegħu jsiru serje ta' mistoqsijiet oħrajn lil dawk li qalu li ma jafux kif jivvutaw jew ma jivvutawx, bit-tweġibiet ħafna drabi jindikaw dik il-persuna eventwalment lil min tivvota meta ssir elezzjoni. Per eżempju jekk persuna tgħid li mhux se tivvota imma tafda aktar lil Robert Abela minn Bernard Grech u li ma taħsibx li hemm bżonn ta' bidla fil-Gvern, il-probabbilità hija li ser tivvota Labour. Jekk ma tridx tivvota imma tafda aktar lil Grech u tinsab mdejqa ħafna bl-istat ta-ambjent jew korruzzjoni, probabbilment se tivvota PN. 

Iżda l-inkwiet għal Bernard Grech ma jiqafx hemm hekk kif huwa ċar miż-żewġ sondaġġi li d-distakk f'termini ta' fiduċja hija akbar mid-distakk elettorali bejn iż-żewġ partiti, hekk kif dak tal-gazzetta Maltatoday juri illi filwaqt li 48.9% jafdaw lil Robert Abela, huma biss 28% li qalu illi jafdaw lil Bernard Grech, f'termini ta' voti distakk ta' madwar 60,000 persuna aktar li tafda lil Abela. 

Dak tal-lum jagħti stampa aktar gravi għal Grech hekk kif 52% qalu illi jafdaw lil Robert Abela bħala Prim Ministru, filwaqt li kienu biss 14.5% li qalu illi jridu lil Grech bħala Prim Ministru, distakk enormi ta' 37.5% - li jqarreb lejn differenza ta' 100,000. 

Aktar minn hekk - u hawn jidher li hija parti mill-problema ta' Bernard Grech - huma 60.5% tal-votanti Nazzjonalisti li jridu lil Grech bħala Prim Ministru, 25% qalu li ma jafdaw lil ebda wieħed u 9.3% saħansitra qalu li jippreferu lil Abela bħala Prim Ministru.

Kemm fis-sondaġġ tal-Maltatoday u anke dak ta' The Sunday Times, Abela huwa popolari iktar minn Grech f'kull settur ta' etajiet. 

Finalment mistoqsijin jemmnux li hemm bżonn bidla fil-Gvern 53.2% wieġbu "le" filwaqt li kienu 27.8% li wieġbu "iva". 

More in Politika