'Inżidu jew innaqsu r-restrizzjonijiet skont il-każi fl-ITU ... għalissa mhux se nżidu miżuri'

Charmaine Gauci saħqet li hekk kif il-booster qed jingħata lill-anzjani, il-każi fost dawn l-etajiet qed jonqsu. Fil-fatt, l-età medja tal-każi ġodda din il-ġimgħa kienet dik ta' 37 sena

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li l-awtoritajiet jiddeċiedu jekk iżidux jew inkella jnaqqsux restrizzjonijiet skont is-sitwazzjoni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, jiġifieri kemm ikun hemm pazjenti bil-Covid-19 fl-ITU.

Fakkar li anke jekk il-każi żdiedu fl-aħħar jiem, is-sitwazzjoni fl-ITU għadha waħda stabbli, anke bis-saħħa tar-rata ta' tilqim li għandha Malta.

Fil-fatt, minkejja li Malta għandha aktar minn 900 każ ta' Covid-19, żewġ pazjenti biss jinsabu fl-ITU.

Għalhekk saħaq li għalissa ma hemmx bżonn li jiżdiedu xi restrizzjonjiet.

Madanakollu fakkar li l-każi fl-isptar u fl-ITU għandhom tendenza li jiżdiedu ftit ġimgħat wara li jkun hemm żieda ta' każi ġodda u għalhekk appella għall-kawtela.

Iżda saħaq ukoll li għalissa kollox jindika li Malta hija fost ftit pajjiżi fl-Ewropa li mhux se żżid ir-restrizzjonijiet.

Dwar il-profili tal-pazjenti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci saħqet li hekk kif il-booster qed jingħata lill-anzjani, il-każi fost dawn l-etajiet qed jonqsu. Fil-fatt, l-età medja tal-każi ġodda din il-ġimgħa kienet dik ta' 37 sena.

Qalet ukoll li mill-każi attivi, 6% biss huma każi importati u dan jikkonferma kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li Malta taċċetta biss turisti mlaqqma.

Spjegat li l-clusters kienu żgħar. Ħafna minnhom huma clusters fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol u ftit clusters fl-iskejjel.

Qalet ukoll li nofs il-persuni li ħarġu pożittivi kienu jafu minn fejn ħadu l-virus, għax ġew f'kuntatt ma' persuni pożittivi.

More in Politika