Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, saħaq li l-Prim Ministru għandu jwaqqaf minnufih il-ħlasijiet lil Steward Health Care u l-flus li, fi kliemu “nsterqu” jingħataw lura lill-poplu.
Huwa qal dan wara li lbieraħ il-Prim Ministru qal li ma kienx jaf bil-klawżola fil-kuntratt li tgħid li jekk b’xi mod jew ieħor, il-konċessjoni titwaqqaf, il-Gvern irid iħallas €100,000,000 penali lil Steward.
Abela qal li sar jaf b’din il-klawżola wara li l-ftehim kien iffirmat.
Madanakollu, Grech ma emminx dan u fakkar li Abela kien konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat “li awtorizza dawn il-penali.”
“Il-ħmar iwaħħal f'denbu. Hekk qed jagħmel Robert Abela fuq il-kuntratt li l-Gvern tiegħu ta’ lil Vitals. Robert Abela jaħseb li jista' jgħaddi ż-żmien bin-nies meta joqgħod taparsi jbeżża' bil-penalitajiet jekk ma jonorawx il-kuntratt meta jaf li dawn diġà qed jiksru l-obbligi kuntrattwali tagħhom,” saħaq Grech.
Fakkar li sadanittant, il-Gvern qed jintrabat li s-sena d-dieħla jagħti €69 miljun oħra lil Steward “għal servizz mhux denju u xogħlijiet fantażma.”