Minkejja li l-PN u dawk madwar Grech konvinti li se jsejjaħ.. iċ-ċans għal elezzjoni din is-sena jonqos

Il-PN konvinti li l-Prim Ministru se jsejjaħ l-elezzjoni, il-Ministri u uffiċjali fil-midja Laburista ma jafu assolutament xejn u l-PM iżomm kollox għalih, hekk kif sorsi mill-Gvern jindikaw li l-elezzjoni mhux ser issir din is-sena...

Robert Abela jieħu b'idejn il-partitarji wara r-rebħa Laburista tal-2017
Robert Abela jieħu b'idejn il-partitarji wara r-rebħa Laburista tal-2017

Il-Prim Ministru Robert Abela qed iżomm l-intenzjonijiet tiegħu kważi b'mod esklussiv għalih dwar jekk hux se jsejjaħ elezzjoni ġenerali jew le, minkejja spekulazzjoni qawwija ta' elezzjoni fl-aħħar ta' Novembru, speċjalment fil-Partit Nazzjonalista. Il-Ministri kważi kollha u anke sorsi mill-midja Laburista, li tkellmet magħhom din il-gazzetta ma jafu xejn dwar dati ta' elezzjoni ġenerali jew xi tħabbira imminenti ta' elezzjoni. 

Jidher fil-fatt, minn sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM illi ċ-ċans ta' elezzjoni din is-sena qiegħed jonqos sew, bl-għażla ta' elezzjoni fil-bidu tal-2022 tibda tidher ħafna iktar probabbli. Anke jekk seta' kien qed jikkunsidra elezzjoni fl-2021, jidher li l-PM Abela se jħalli l-Milied u ġranet oħrajn ta' negozju qawwi bħal Black Friday jgħaddu qabel jsejjaħ l-elezzjoni ġenerali.

Ir-risposta li din il-gazzetta kellha minn kull sors mill-Kabinett li tkellmet miegħu kienet: "ma nafx" jew "ma smajna xejn."

Anke sorsi mill-istazzjon tal-PL ONE qalu li huma, sa din il-ġimgħa, ma kellhom ebda indikazzjoni jew sejħa għal preparazzjoni għal elezzjoni ġenerali. Din il-gazzetta saħansitra hija nfurmata li anke xniegħa dwar rally illum f'Ħal Qormi, kienet miċħuda mill-Partit Laburista mal-ewwel nhar il-Erbgħa tant li ntbagħat messaġġ lil diversi attivisti u Deputati biex isegwu biss id-direzzjoni tal-partit. 

Abela, skont dak li tgħid il-Liġi, jibqa' fiċ-ċans li jsejjaħ elezzjoni fis-27 ta' Novembru sa nhar it-Tlieta hekk kif kampanja elettorali trid tkun twila minimu ta' 33 jum. Is-27 ta' Novembru tkun l-aktar data tard, hekk kif elezzjoni f'Diċembru hija xi ħaġa li kwalunkwe Prim Ministru jipprova jiskarta, hekk kif tmiss mal-bidu tal-aktar żmien importanti għan-negozju: Il-Milied. 

Il-ġimgħa bdiet b'ħafna għidut u xnigħat persistenti ta' elezzjoni - xnigħat li fil-fatt jafu l-oriġini proprju tagħhom fi storja fuq il-midja tal-PN lura fid-29 ta' Awwissu, li mhux talli rrappurtat illi se ssir elezzjoni f'Novembru talli l-gazzetta l-Mument kienet speċifikat id-data tal-istess elezzjoni: It-13 jew is-27 ta' Novembru li ġej. Il-Mument kienet irrappurtat - bħala fatt - li f'waħda minn dawn id-dati se jkun hemm elezzjoni. 
Fil-fatt skont l-informazzjoni li għandha l-gazzetta ILLUM fil-PN - inkluż fiċ-ċirku ta' nies madwar Bernard Grech -  hemm stennija kbira biex l-elezzjoni titħabbar illum jew għada għas-27 ta' Novembru. 

 

More in Politika