'L-Air Malta mistennija tagħmel madwar €30 miljun f'telf fl-2022'

Il-Baġit tħabbar u kulħadd iddiskuta l-miżuri u rreaġixxa. Iżda proprju l-għada tal-Baġit il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda mal-Ministru Clyde Caruana u staqsietu dwar l-Air Malta, il-pensjonijiet, il-€1.75, l-ambjent...

Il-Minuistru Clyde Caruana
Il-Minuistru Clyde Caruana

Il-Baġit - kulħadd jitkellem dwaru, min imaqdru u min ifaħħru. Ftit jiem wara l-Baġit għal-2022, din il-gazzetta tkellmet mal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li wieġeb dwar l-Air Malta, illi ddeskriva bħala "l-akbar uġigħ ta' ras tiegħu", il-pensjonijiet u l-miżuri ta' dan il-Baġit b'mod ġenerali. 

Imlaqqam bħala l-aktar baġit b’miżuri soċjali fl-istorja tal-gżejjer Maltin, nagħtu ħarsa lejn l-impatt li dan se jkollu fuq il-poplu u x'inhu l-iskop li ddaħħlu dawn il-miżuri. 

Qabel xejn ta’ min wieħed ifakkar fuq, fuq fl-għadd ta’ miżuri, skemi, inċentivi ġodda u oħrajn estiżi mill-ġdid. Fost dawn hemm, żieda fl-istipendji, żieda sostanzjali fil-pensjonijiet, inċentivi għal xiri ta’ karozzi elettriċi, estensjoni tal-iskema tal-first time u second time buyers u dawk li jixtru proprjetà f’Għawdex, inqas intaxxar fuq persuni li jaħdmu part-time, investiment għal dak li l-Gvern sejjaħ "Buskett ġdid" fin-naħa t’isfel ta’ Malta u aktar. 

Imma dan mhux baġit ta' qabel l-elezzjoni? 

Waħda mill-ewwel punti ta' kritika għal dan il-baġit kien illi huwa "baġit tal-elezzjoni" u allura baġit li l-uniku għan tiegħu huwa li jattira l-voti lejn il-Partit Laburista. Caruana kif iwieġeb?

“Il-Baġit - meta wieħed jara n-narrattiva tiegħu -  assolutament mhux baġit tal-elezzjoni iżda hu baġit bi ħsieb, b’miżuri intenzjonati sabiex jindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna.” 

Jisħaq li, filwaqt li mhux fil-kompitu tiegħu li jieħu deċiżjonijiet dwar il-proċessi tal-approvazzjoni tal-Baġit jew saħansitra elezzjoni, huwa spjega li minn naħa tiegħu, bħala Ministru tal-Finanzi jinsab iffukat fuq il-ħidma tiegħu, l-ewwel u qabel kollox.

Caruana iżda rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsija ta' din il-gazzetta  jekk il-Baġit hux se jkun approvat jew le!Emfasizza biss li "dan hija xi ħaġa fil-kompitu tal-Prim Ministru li jiddeċiedi. Mhux fil-kompitu tiegħi."

'L-ispiżjar milli jkollu jagħtik...'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, sejjaħlu baġit ta’ llum biss, li m’għandux viżjoni għal għada. Qal ukoll li taħt il-Gvern Laburista, in-nies ikollhom jaħdmu saħansitra part-time biex ilaħħqu mal-ħajja. B’reazzjoni għal dan il-Ministru qal biss: “L-ispiżjar milli jkollu jagħtik”. 

€1.75 żieda, biżżejjed qed jogħla kważi kollox?

Il-Gvern qed jgħid li hu ta priorità lill-aktar aspetti soċjali u lill-vulnerabbli, u dan jista' jitqies veru minn ċerti miżuri bħalma hija ż-żieda fil-pensjonijiet. Imma b'kollox jogħla - speċjalment prodotti tal-ikel - u issa anke bit-theddida ta' żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils, €1.75 jaħseb li hija biżżejjed? 

Għal din il mistoqsija, il-Ministru wieġeb li bil-mekkaniżmu li għandna preżenti llum, kemm jekk bi Gvern Laburista jew wieħed Nazzjonalista, "il-mekkaniżmu dik is-somma kien jagħtik.” Jgħid iżda, għaliex fl-opinjoni tiegħu dik is-somma mhux biżżejjed, li skatta proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet involuti biex ikun hemm mekkaniżmu ieħor.

“Dan biex meta jkollna realtajiet bħal din ta' issa, fejn l-għoli tal-ħajja ikun aktar minn dak li normalment ikun, jiskatta  dan il-mekkaniżmu, biex ikun hemm għotjiet li jingħataw lil min jiflaħ l-inqas u li jkunu b’mod addizzjonali ma’ dak li jingħata lil kulħadd,” spjega l-Ministru għall-Finanzi. 

Madankollu, din il-gazzetta staqsiet: Liema hi l-faxxa tan-nies li se jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu? U l-ħajja mhux għal kulħadd togħla, allura għaliex ma tgħoddx għal kulħadd din?

Huwa spjega ċar u tond li mhux  jara li mekkaniżmu bħal dan ikun jgħodd għal kulħadd u huwa mmirat speċifikament biex iwieżen lill-pensjonanti u dawk l-inqas li jifilħu fis-soċjetà. 

“Dan huwa mekkaniżmu li l-iffinanzjar tiegħu jrid jara li jagħmel tajjeb għalih il-Gvern. Dwar kif ser jaħdem għandi l-ideat tiegħi, però aktar milli nimponi, irrid niddiksuti ma’ dawk ikkonċernati biex flimkien naqsmu l-ideat u eventwalment naslu għal formola li taqbel għal kulħadd,” qal Caruana. 

Saħaq li hemm faxex partikolari fis-soċjetà li jifilħu jassorbu ċertu għoli tal-ħajja u l-pagi tagħhom jiżdiedu lil hinn mill-€1.75, għax il-ħiliet u l-produttività tagħhom tkun qed iżżidilhom il-paga b’mod sostanzjali. 

“Imbagħad għandek faxex oħra fis-soċjetà li ż-żidiet tagħhom jiddependu biss minn dawk iż-żidiet li jagħti l-Gvern jew inkella ż-żidiet li jkollhom fil-paga tant ikunu baxxi - minħabba produttività baxxa - li ma jagħmilx tajjeb għall-għoli tal-ħajja," kompla jispjega l-Ministru. 

Minn naħa l-oħra żied jgħid li l-Gvern huwa soċjalment u moralment obbligat li jħares dawn il-faxxex filwaqt li jiżgura li din il-faxxa ta’ nies tkun imħarsa kif suppost. 

Il-pensjonijiet żdiedu. Imma huma sostenibbli għall-futur?

Il-Ministru tenna li l-kwistjoni tal-pensjonijiet f’pajjiżna teħtieġ diskussjoni li tmur lil hinn mill-baġit. Ifakkar li pajjiżna huwa l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropea (UE), fejn il-pensjonjiet jinħadmu fuq il-pilastru tal-pay as you go. Dan ifisser li l-ħaddiema tal-llum iħallsu bolla biex tiffinanzja l-pensjoni ta’ dawk li qegħdin jirtiraw illum u tagħhom stess.  

Il-Ministru Caruana staqsa, “sostenibbli jew le? Is-sostenibbiltà, fil-każ tagħna f’dak li għandu x’jaqsam il-mudell ta’ bħalissa, tiddependi fuq is-suq tax-xogħol."  Allura Caruana jfakkar li aktar kemm is-suq tax-xogħol joħloq il-ġid, aktar ikun hemm dħul tal-Gvern, “aktar kemm ikun hemm dħul tal-Gvern, aktar se jkun hemm flus għal Gvern biex jitfasslu l-pensjonijiet.” 
Kompla jgħid li jekk imbagħad nitkellmu fuq l-adegwatezza, jiġifieri kemm il-pensjoni tkun biżżejjed għal dak li jkun, dik hija diskussjoni li jisħaq li għad trid issir.

Minn Ottubru 2022, se tivjaġġa b’xejn

It-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, kienet waħda mill-aktar miżuri li ntlaqgħet tajjeb mill-pubbliku. 

Dan għaliex ħafna jħossu li hija ta’ benefiċċju għall-individwu kemm mil-lat ta’ finanzi,  kemm għat-traffiku u fuq kollox għax jingħata nifs lill-ambjent, għax suppost inqas nies jużaw il-karozzi, xi ħaġa li titwemmen meta narawha! 

Din il-miżura hija stmata li se tiswa lill-Gvern Malti madwar €40 miljun fl-aħħar kwart tas-sena 2022. Biż-żieda annwali, jiġifieri s-sena ta' wara, fl-2023,  se tkun qiegħda tlaħħaq l-ispiża totali ta’ €16 jew €17-il miljun. 

Għall-mistoqsija tal-ILLUM il-Ministru spjega li r-raġuni għaliex din il-miżura se tidħol fis-seħħ, fi żmien sena, huwa biex tagħti biżżejjed ċans, “u biżżejjed nifs lill-kumpanija, inkluż il-maniġment, biex jilħaq jippjana dak li għandu bżonn ħalli jipprepara għal influss akbar ta’ persuni li mistennijin jibdew jagħmlu użu minn trasport pubbliku, ladarba jkun mingħajr ħlas." 
Argumenta li ma kienx jagħmel sens li kieku din il-miżura bdiet mill-bidu ta’ Jannar 2022, għax kien ikun hemm riskju ta’ mismanagement jew iffullar. 

'M'inix qed nara li nżid it-taxxi'

“Roħs”, “żieda”, “b’xejn”... kollha affarjiet inkoraġġanti u li jieħdu pjaċir bihom in-nies, imma dal-ispejjeż kollha min se jġorrhom? Dan l-infieq kollu mhux minn taxxi ġodda se jiġi?

“M'iniex qed nara li nżid it-taxxi u lanqas ma rrid il-finanzi tal-pajjiż fil-ħajt, kif għamel ħaddieħor meta fi żmienu Malta daħlet fl-Excessive Deficit Procedure. L-aktar ħaġa li nisħaq fuqha hi l-għaqal,” qal il-Ministru. 
Kompla jgħid li l-Gvern ippjana numru ta’ strateġiji li se jżommu l-ekonomija fuq saqajha. Huwa saħaq li ġie infurmat li minn l-għada stess li tħabbar il-baġit numru sostanzjali ta’ nies li għandhom jħallsu taxxi u li ma’ ħallsux, issa qiegħdin jiffirmaw diversi ftehim, wara li rrikorrew għad-Dipartiment. 

“Dawn il-flus għall-Gvern, huma injezzjoni tajba għad-dħul tiegħu. Lil hinn minn hekk ukoll hemm żewġ fatturi oħra li se jwasslu biex, iva, d-defiċit tagħna se nżommuh taħt kontroll,” huwa stqarr. Jibda jispjega li primarjament it-tkabbir ekonomiku għas-sena d-dieħla qed ikun imbassar li se jlaħħaq is-6.5% u dan se jwassal biex id-dħul tal-Gvern, jiżdied. Minn naħa l-oħra, huwa qal, li lilhinn minn hekk il-Gvern irid jara li l-infieq ikun wieħed għaqli. 

Huwa b'dan il-mod li jgħid mal-ILLUM illi huwa possibbli, li jonqos id-defiċit tal-Gvern, mill- 11.1% li se jkun reġistrat din is-sena, għal 5.6% s-sena d-dieħla. 

Jagħmel iżda twissija ċara dwar dan, twissija li għamel ukoll fid-diskors tal-Baġit nhar it-Tnejn. "Jekk id-daqqa li tkun ġejja bil-prezzijiet tal-fjuwils tkun kbira, aħna se nkunu qed naraw li nagħmlu tajjeb għaliha u għaldaqstant, hemm jista’ jkun li d-defiċit jiżdied b’1.4%.” 

'Ġustizzja man-nies fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma'

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Minstru dwar il-wegħda li l-Gvern se jbiddel il-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u fakkritu li hu qal li daqshekk in-nies se jirċievu "kontijiet sorpriża". Allura dan ma jfissirx li n-nies vera kienu qed jirċievu kontijiet maħdumin ħażin? Allura l-PN kellu raġun...tirrimarka l-gazzetta ILLUM.

Caruana wieġeb li l-kontijiet kif qed jinħadmu huwa skont l-istess liġi u regoli jew formola,  li kienet tintuża dejjem taħt Gvern Nazzjonalista. Jgħid  li kien hemm diskussjonijiet dwar kif din għandha tiġi rranġatha. B’hekk il-Gvern iddeċieda li għandu jkun hemm formola li biha dawk il-units li wieħed ma jkunx uża jiġu trasferiti għax-xhur ta’ wara ħalli b’hekk l-eko riduzzjoni ma tibqax tintilef. 

"Il-liġi stess minnha nnifisha toħroġ kif għandha tinħadem il-formola, għaldaqstant se tinbidel il-liġi, se nbiddlu l-formola u b'hekk inkunu qed nagħmlu ġustizzja man-nies,” saħaq Caruana. 

Skemi ta' restawr, Buskett fl-Inwadar u aktar ġonna....il-miżuri "ħodor"

Mistoqsi liema l-aktar miżuri fil-baġit jemmen li se jagħmlu impatt ambjentali, il-Ministru tal-Finanzi beda’ billi semma l-iskema tar-rifużjoni tat-taxxa fuq manutenzjoni ta’ proprjetajiet qodma li Malta mżejna bihom. 

F’din l-iskema, il-Gvern neħħa t-taxxa kemm minn fuq il-bejjiegħ kif ukoll dak li xtara. “Għal din il-miżura l-Gvern huwa kommess minn tal-inqas tliet snin”. 

Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar waqt il-Baġit li dawk illi jixtru jew jirranġaw proprjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena u huma vakanti għal aktar minn seba’ snin; jew li xtraw jew irranġaw proprjetajiet li huma f’UCA (Urban Conservation Area) kif ukoll dawk li jibnu il-propjetajiet ġodda li jinbnew bi stil u arkitettura tipika u tradizzjonali Maltija, se jgawdu minn numru ta' miżuri.

Fosthom, it-tneħħija tat-taxxa tal-Capital Gains u t-taxxa tal-boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-propjetà. First time-buyers ta’ dawn il-proprjetajiet imsemmija se jirċievu għotja ta’ €15,000. First-time buyers li jixtru dawn it-tip ta’ propjetajiet ġewwa Għawdex se jirċievu għotja bil-valur doppju, jiġifieri €30,000.

Intant dawk li diġà għandhom dawn it-tip ta’ proprjetajiet se tingħatalhom ukoll għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u irfinar. 

Caruana ikompli jispjega mal-ILLUM kif, "it-tieni ħaġa hi li se nibdew il-proċess sabiex ikun hemm, dak li qed insejħulu l-buskett tan-naħa ta' isfel ta’ Malta li jibda minn naħa tax-Xgħajra u jibqa’ sejjer saż-Żonqor. Dan se jsir f’dak li jissejjaħ l-Inwadar, li hija biċċa art enormi, din se tkun qed tbiddel in-naħa ta’ isfel, in-naħa ta’ dik il-kosta bl-aktar mod meraviljuż,” wieġeb Caruana. 

Apparti minn hekk, huwa qal li t-tielet miżura importanti għal dan il-Gvern hija li se jiżdiedu aktar ġonna pubbliċi u żoni ħodor f’diversi lokalitajiet. 

Eluf f’telf kuljum għall-Airmalta

F’intervista esklussiva ma’ din il-gazzetta li kien għamel il-Ministru fi Frar li għadda, huwa spjega li kawża tat-telf sostanzjali li kienet qiegħda tagħmel ta’ kuljum - xejn inqas €170,000 -  l-AirMalta, mingħajr għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, tista' tfalli. L-ILLUM tisaqsi: Is-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali għadha l-istess? Meta se tiddeċiedi l-Kummissjoni? 

Filwaqt li qal li d-diskussjonijiet metikolużi mal-Kummissjoni għadhom għaddejjin, b’mod kontinwu żvela iżda li t-telf naqas. 

Dan għaliex, “it-titjiriet li ma kienux jagħmlu sens naqqasnihom, sar proċess ta' razzjonalizzazjoni taħt il-gwida taċ-Chairman Eżekuttiv, David Curmi. L-emoraġijja li kienet qiegħda tintilef fi flus kuljum tnaqqset. Ma ġietx eliminata kompletament  għax kien hemm bżonn aktar xogħol xi jsir, imma iva, ħafna mill-flus li kienu qiegħdin jinħarqu ta’ kuljum, irnexxielna nsalvawhom.” 

Għaldaqstant huwa qal li, bejn wieħed u ieħor għas-sena d-dieħla, il-kumpanija jista’ jkun li tagħmel telf ta’ bejn wieħed u ieħor €25 miljun jew €30 miljun. Madankollu, jgħid li kollox jiddependi minn x’se jkun qed jiġri fis-settur tat-Turiżmu. 

“Waħda mill-akbar uġigħ ta’ ras li għandi hija din il-kumpanija għaliex is-sitwazzjoni hi dik li hi u fl-AirMalta jrid isir ħafna xogħol,” temm jgħid il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. 

More in Politika