Intervista | 'Aħna ma rridux noħolqu kultura tal-Kannabis. Aħna rridu nnaqqsu d-dannu fuq min juża l-Kannabis'

Hija riforma xi ftit wisq kuraġġuża hekk kif l-oppożizzjoni għaliha mhijiex ftit, anke jekk l-ebda reżistenza ma ġiet mill-PN, l-Oppożizzjoni uffiċjali. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-Ministru Owen Bonnici, li jinsab wara l-Abbozz dwar il-Legalizzazzjoni tal-Kannabis għal skopijiet Rikreattivi...

Din il-ġimgħa l-Ministru tal-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici ressaq l-ewwel qari ta' abbozz ta' liġi li diġà ħoloq ħafna diskussjoni, kontroversja u reazzjoni. Qed nirreferu għal dak l-abbozz li permezz tiegħu l-Gvern se jkun qed jillegalizza il-kannabis għall-użu rikreazzjonali. 

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Ministru Bonnici biex miegħu tiddiskuti u tistaqsi dawk il-mistoqsijiet li qed jistaqsu bosta nies, uħud minnhom imħassbin dwar din ir-riforma. 

Imma għalfejn il-Gvern ħass li kellu jressaq din il-Liġi?

Il-gazzetta ILLUM staqsiet għaliex ressaq din il-liġi l-Gvern, jekk hux - kif akkuża lill-Gvern Bernard Grech - biex "jidher tajjeb mal-votanti żgħażagħ"?

Huwa qal illi r-raġuni għaliex qed ikunu proposti dawn il-bidliet huwa li ma jistax ikun li r-reputazzjoni ta' persuna tibqa' tiġi mtappna minħabba li jinstab b'joint. 

"Jekk mhu se nagħmlu xejn ifisser li d-domanda se tibqa' sserraħ fuq il-Black Market, ifisser li se jibqa' jkollna sitwazzjonijiet fejn ħafna jixtru kannabis li tkun ta' kwalità ħażina u allura li tagħmel il-ħsara." 

Il-gazzetta tistaqsi lill-Ministru iżda mil-liema studji u konsultazzjoni waslu għall-konklużjoni li din ir-riforma se twassal biex jinqered min qed ibigħ illegalment u biex jieħu daqqa s-suq l-iswed. 

Bonnici jgħid illi l-Gvern għadda minn proċess sħiħ ta' studji li jiddeskrivi bħala "b'saħħithom", minn diversi persuni f'dan il-kamp partikolari. 

"Aħna ridna l-ewwelnett li jkollna sors regolarizzat, biex persuna li tixtieq tikkonsma l-kannabis tagħmel dan mingħajr ma xxellef difrejha mal-liġi u dejjem fil-parametri tal-liġi." 

Bonnici fakkar li skont l-abbozz li tressaq mill-Gvern tista' tkabbar pjanti d-dar, ġewwa biss u 'l bogħod mit-tfal. Huwa sostna li jemmen illi b'dan il-bilanċ il-Gvern ikun qed jirbaħ kull attentat li jsir minn dawk li jbiegħu illegalment biex iduru mal-liġi. 

'Mhux se nippermettu jew nippromovu l-bejgħ tal-kannabis'

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi: Jiġifieri kif qed jipproponi l-Gvern, wieħed ikun jista' jkabbar kemm irid pjanti u forsi jekk jifdallu żżejjed jagħmel xi ftit negozju wkoll?

Il-Ministru Bonnici wieġeb fin-negattiv u qal li l-Gvern fl-ebda mument mhu qed jippermetti jew jippromovi l-bejgħ tal-kannabis. Minflok persuna tkun tista' ssir membru ta' assoċjazzjoni u jekk tkun membru tkun tista' tikkonsma l-kannabis bl-ammonti stabbiliti skont il-liġi. 

Fakkar jiġifieri li hawn qed nitkellmu fuq massimu ta' erba' pjanti, li tista' tnixxef biex tpejjep, sa seba' grammi kuljum, sa massimu ta' 50 gramma fix-xahar. 

"Għalhekk nemmen li ftaħna rotot diversi biex ikollna tnaqqis tad-dannu u bilanċ tajjeb li se jwassal għal dan," qal Bonnici mal-ILLUM. 

Il-Gvern iddeċieda li fil-pubbliku persuna ma tistax tpejjep il-kannabis. Imma fl-istess ħin tista' tpejjep it-tabakk u tixrob (u xi kultant tisker) fil-pubbliku wkoll. Ma jħossx li ma tagħmilx sens din ? 

Il-Ministru jikkonferma li mhux se jkun permess tipjip fil-pubbliku, lanqas quddiem it-tfal filwaqt li l-assoċjazzjonijiet li permezz tagħhom persuna tkun tista' tixtri mhux se jkunu jistgħu jirriklamaw. Dan jinkludi - ifakkar - li ma jistgħux jirriklamaw bi twaħħil ta' messaġġi jew billboards fuq il-binjiet fejn joperaw.

"Aħna ma aħniex qed nippromovu t-tipjip tal-kannabis u lanqas qed ninkoraġġixxu kultura ta' kannabis. Li qed nagħmlu huwa eżerċizzju ta' tnaqqis fid-dannu li jbatu minnu persuni li jikkunsmaw il-kannabis u nżidu d-dinjità ta' min jikkonsma," qal il-Ministru. 

Huwa spjega kif il-Gvern ma riedx aktar li nies jibqgħu jittellgħu l-Qorti minħabba ammonti żgħar ta' kannabis. 

Allura bl-istess argument, se jillegalizza d-drogi kollha?

Iżda l-gazzetta ILLUM tfakkru li l-istess argument tiegħu tat-tnaqqis fid-dannu jista' jkun applikat għal drogi oħrajn. Allura l-Gvern qed jippjana li jillegalizza drogi oħrajn ukoll, bħall-kokaina u l-ecstasy? 

Huwa qal li hawn qed nitkellmu dejjem dwar il-kannabis u li riċerka profonda uriet li bejn l-għażla li twettaq sistema ta' harm reduction u li ma tagħmel xejn, "is-sistema li tnaqqas id-dannu ħalliet riżultati pożittivi." 

"Meta nitfgħu kollox fuq il-miżien hemm ħafna iktar benefiċċji li tagħmel xi ħaġa milli ma tagħmel xejn."

Imma l-gazzetta terġa' tistaqsih jekk hux se jkun qed jillegalizza drogi oħrajn, wara l-kannabis.

Il-Ministru jeskludi li se jiġu dikriminalizzati jew legalizzati drogi oħrajn, għalkemm ifakkar f'riforma oħra li wettaq il-Gvern jiġifieri dik li ddikriminalizzat il-pusses ta' dawn id-drogi għall-użu personali. Fakkar li b'hekk min jinqabad bi droga sa massimu ta' żewġ grammi jew inkella żewġ pilloli, minflok jitressaq il-Qorti jitressaq quddiem it-Tribunal tal-Ġustizzja. 

"Neskludi li drogi oħrajn jiġu dikriminalizzati jew legalizzati, imma aħna se nkomplu naħdmu biex aktar nies joħorġu mill-vizzju," qal il-Ministru. Huwa saħaq li t-triq 'l quddiem hija l-fejqan minflok qorti. 

'Din hija riforma kbira'

Il-gazzetta ILLUM tfakkru iżda li minkejja dawn il-bidliet xorta kien hemm każi fejn żgħażagħ ġew arrestati u mressqin il-Qorti sempliċiment għax kellhom joint. Allura hemm sinerġija bejn dawn il-bidliet u l-Korp tal-Pulizija? 

Huwa sostna li din hija riforma kbira u mhux sempliċiment tibdil ta' xi klawżola jew tnejn. "Morna minn sitwazzjoni fejn kont titressaq il-Qorti jekk tkun ħadt joint jew inkella 3.5 grammi. Illum qed ngħidulek li sa seba' grammi ma titressaq imkien u ma jeħdulekx il-kannabis."

Huwa rringrazzja lill-Korp tal-Pulizija u ammetta li l-Korp jeħtieġ ikun ippreparat għal din "il-bidla fil-mentalità."

Minkejja din il-bidla li qed isemmi iżda ħafna jiktbu u jesprimu ruħhom fuq il-midja soċjali kontra  tali bidliet. Imma allura jħoss li verament hawn din il-bidla fil-mentalità li qed isemmi? Kieku jmur għand xi ħadd id-dar u dan jesprimi tħassib ġenwin dwar din il-liġi, xi jgħidlu? 

Huwa qal li jgħid lil dan ir-raġel illi dan l-eżerċizzju huwa ta' riduzzjoni tad-danni u r-riforma għandha proprju dan il-għan. Huwa jgħid illi fl-istess ħin se jerġa' jkun iffirmat ftehim ta' €3 miljuni mas-Sedqa u l-FSWS sabiex titkompla kampanja edukattiva li tgħallem u teduka lill-istudenti kontra l-abbuż mid-droga, filwaqt li jsir aktar investiment biex iż-żgħażagħ ikunu mħeġġin jipparteċipaw f'attivitajiet li jagħtuhom sodisfazzjon u jżommuhom 'il bogħod mid-droga. 

'L-Oppożizzjoni kienet kompletament assenti'

U finalment, dwar il-kannabis, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Ministru Bonnici kemm ikkonsulta u x'sehem kien dak tal-Oppożizzjoni. 

Huwa jirrimarka illi minkejja li jixtieq jgħid ħafna affarijiet, dan is-settur huwa delikat u ma jixtieqx li d-diskussjoni tiġi ppolitiċizzata. Minkejja dan qal ukoll li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista "kienet assenti b'mod komplet f'din id-diskussjoni - lanqas biss issottomettew proposta waħda. Hemm partiti għadhom jitwieledu issa li wkoll issottomettew proposti."

Huwa qal li wara li l-Gvern ħareġ il-White Paper b'diversi punti l-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi kien hu li ħareġ bil-proposti. 

"Din hija politika cheap," saħaq il-Ministru mal-ILLUM. 

'Kien xokk tremend'

Induru naqra fuq is-suġġett tar-razziżmu li reġa' kien fuq l-aġenda waħda sew hekk kif ħaddiem immigrant tħalla fuq il-bankina mill-impjegatur tiegħu, wara li kien waqa' f'sit ta' kostruzzjoni u kien imweġġa'. 

X'ħaseb il-Ministru tal-Ugwaljanza meta sar jaf b'dan l-inċident?

"Kien xokk tremend. Staqsejt lili nnifsi, possibbli wasalna sa hawn?" beda jirrakkonta, filwaqt li jgħid li ma kienx biss xokk għalih, imma kien xokk ukoll għal dawk ta' madwaru. "Għamlet aktar u aktar impatt għax propju meta ġrat konna qed nippreparaw l-Istrateġija kontra Razziżmu."

Huwa qal li l-poplu Malti mhuwiex hekk u ma jridx dawn l-affarijiet. Iżda jinnota kif minkejja dan, dak li ġara "xegħel l-alarm dwar abbuż inaċċettabbli li għaddejjin minnu ċerta nies barranin li qed jaħdmu f'pajjiżna."

'Differenza bejn il-kritika fuq il-piż li Malta qed iġġorr u r-razziżmu!'

Ladarba semma l-Istrateġija kontra r-Razziżmu din il-gazzetta tfakkru li s-sors ta' ħafna xenofobija u trewwiħ ta' mibgħeda huwa proprju fuq il-midja soċjali. Din l-istrateġija kif se tindirizza dan?

Huwa jibda billi jfakkar li din hija strateġija li Malta qatt ma kellna bħalha u li se tkun estensiva hekk kif se tolqot kważi lil kull Ministeru u settur, għas-snin li ġejjin.

"Wieħed jista' jkollu pożizzjoni b'saħħitha fuq l-immigrazzjoni u kif il-komunità internazzjonali qed tippretendi li nġorru piż li huwa ikbar minn dak li nifilħu, imma dan ma jagħtinix il-jedd li nkun razzist."

Huwa stieden lill-pubbliku biex jagħmel differenza bejn il-kritika dwar qsim tal-piż u dak li jiflaħ il-pajjiż u r-razziżmu u l-mibgħeda, fuq in-naħa l-oħra. 

'Ħafna immigranti ma jirrapportawx l-abbuż għax jibżgħu - Dan irridu nindirizzawh'

Il-gazzetta iżda tistaqsi realment dan l-abbozz x'differenza se jagħmel u jekk dan huwiex biss eżerċizzju jew kampanja edukattiva. 

Bonnici jwieġeb fin-negattiv u jgħid li dan huwa ħafna iktar minn sempliċiment kampanja, imma huwa "pjan ta' bidla." Jagħti eżemepju ta' xi ħaġa li din l-istrateġija tixtieq li tindirizza: dak li jsejjaħ "under reporting". Huwa jgħid li diversi barranin f'pajjiżna - imma b'mod speċjali dawk ta' karnaġġjon skur - jibżgħu jirrapportaw abbużi li jsiru fuqhom. 

"Jiena smajtu lil Jaiteh Lamin f'dak il-filmat jibki biex ma jiħduhx l-Isptar għax inkella jispiċċa l-Ħabs. Kif nistgħu naċċettawh dan? Diġà ħażin li persuna ma titkellimx għad-drittijet tagħha, aħseb u ara li tibża' titkellem għax tispiċċa agħar!"

Imma ma jaħsibx li kummenti bħal, "full up" mill-Prim Ministru ma jgħinux u jagħtu l-impressjoni li l-immigranti huma żejda?

 Huwa qal illi li wieħed jgħid li pajjiżna ma jiflaħx għal piż wisq kbir ta' immigranti, mhix stqarrija razzista. "Ma hemm xejn razzist f'li tgħid illi pajjiżna ma għandux iġorr piż li ma jiflaħx. Ir-razziżmu huwa meta jinqatel xi ħadd, sempliċiment u allegatament għax iswed - kif qed nisimgħu fi-Qorti. Dak huwa razziżmu u dan ma hemmx postu f'dan il-pajjiż." 

Huwa jisħaq li Malta trid tkun pajjiż fejn kulħadd jiġi rrispettat, "jekk inti persuna LGBTIQ, jekk inti persuna b'karnaġġjon iswed, jekk int ateu jew għandek reliġjon differenti...għandek tiġi trattat bl-istess mod u b'dinjità għax dan il-pajjiż għandu post għalik."

La semma' r-reliġjonijiet differenti, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Ministru Bonnici xi jgħid kieku jiġi xi ħadd mill-komunità Musulmana, per eżempju, jitolbu post fejn ikun jista' jitlob, deċiżjoni li tfakkru li ftit li xejn tkun popolari. 

Huwa fakkar illi hu jista' jgħid u jitkellem fuq dak li għamel diġà. Jgħid kif wara ftehim miegħu kien instab post fil-Furjana fejn il-komunità Musulmana setgħet tmur titlob. 

"U meta qed ngħidu Musulmani qed ngħidu wkoll nies Maltin bħalna," qal il-Ministru Bonnici. Huwa sostna li jinsab ċert li l-problema ta' bosta mhuwiex il-post tat-talb per se, imma problemi ta' parkeġġ u storbju li jinħoloq. 

'Il-każ ta' Lamin, juri kemm għad fadal xi jsir fuq ir-razziżmu'

U finalment bħala l-Ministru li taħtu jaqgħu wkoll id-drittijiet ta' persuni LGBTIQ il-gazzetta tinnota illi llum id-drittijiet għal komunità LGBTIQ hija ugwali ma' dawk ta' persuni eterosesswali, grazzi għall-Gvern preżenti. Allura x'jista' jagħmel aktar hu, milli diġà sar? 

Huwa qal illi hu jiftaħar bix-xogħol li sar mill-Partit Laburista fil-qasam tad-drittijiet ċivili għal persuni LGBTIQ, kif ukoll fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri - saħansitra jfakkar li huwa ħadem biex ikun hemm bilanċ fil-Ġudikatura.

"Sfortunatament iżda, immur fej immur u meta niltaqa' ma' membri ta' bordijiet in-nisa jkunu fil-minoranza. Il-każ ta' Lamin, juri kemm għad fadal xi jsir fuq ir-razziżmu. Mur tkellem ma' persuni trans u jgħidulek kemm għad fadal xi jsir u xi problemi jħabbtu wiċċhom magħhom."

Huwa qal li l-Gvern ħadem u se jkompli jaħdem biex dan il-pajjiż ikollu "xibka ta' ugwaljanza" li tipproteġi lil kulħadd, kif tipproteġi lin-nies ix-xibka soċjali. 

More in Politika