Birdlife tgħid li l-Gvern neħħa d-deroga li kienet tippermetti l-insib fuq għasafar tal-għana

....dan wara li l-Kumitat Ornis rrakomanda li l-istaġun ma jinfetaħx

Il-Gvern mhux se jkun qed jiftaħ l-istaġun tal-insib fuq għasafar tal-għana wara li l-Kumitat Orns ma rrakkomandax il-ftuħ ta' dan l-istaġun u dan hekk kif neħħa l-liġi li kienet tippermetti t-tali deroga.

Dan qalitu l-għaqda Birdlife fi stqarrija llejla li tfakkar illi l-liġi li nħarġet is-sena l-oħra fil-forma ta’ Avviż Legali 399 tal-2020 kienet ħolqot il-parametri li permezz tagħhom il-Gvern seta’ jiddikjara l-ftuħ tal-istaġun. Hija kienet sejħet dan bħala "paraventu" hekk kif il-Gvern ippermetta l-insib "taħt l-iskuża tar-riċerka xjentifika." 

"Madanakollu, anke dan l-istaġun paraventu kien wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni kontra Malta u fetħet Proċedura ta’ Ksur f’Diċembru tas-sena li għaddiet. Ir-rispons tal-Gvern f’Ġunju li għadda biex jipprova jiġġustifika din id-deroga ma wassal imkien u l-Kummissjoni marret pass oltrè u bagħtet Opinjoni Motivata lill-Gvern," saħqet Birdlife Malta. Opinjoni Motivata hija t-tieni twissija formali, wara l-Ittra ta’ Intimazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea kontra deċiżjoni ta' Gvern ta' Stat Membru.

"Donnu li sa fl-aħħar issa rebaħ is-sens komun u l-Prim Ministru u l-Kabinett tiegħu jridu jiżguraw li Malta ma terġax tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li jkun l-aħħar pass fil-Proċedura ta’ Ksur. Min-naħa tagħna aħna issa nistennew konferma min-naħa tal-Gvern dwar dan l-aħħar żvilupp tal-lum," temmet tgħid Birdlife Malta. 

More in Politika