'Daphne kienet ġurnalista straordinarja b'xogħol eċċellenti favur id-demokrazija' - Sassoli

Forbidden Stories jirbħu l-Premju Daphne Caruana Galizia, illum fil-Parlament Ewropew...

Meta kien qed jitkellem qabel ingħata l-Premju Daphne Caruana Galizia, fil-Parlament Ewropew, il-President tal-istess Parlament David Sassoli ddeskriva lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bħala "ġurnalista straordinarja li għamlet xogħol eċċellenti favur id-demokrazija u l-libertà." 

Sassoli sostna li l-assassinju tagħha kien punt ta' bidla għas-soċjetà għaliex mess mal-qalba tal-identità tal-Unjoni Ewropea. "Aħna għandna l-fondazzjoni tagħna fuq id-demokrazija u s-saltna tad-dritt, tant huwa hekk li diversi pajjiżi jħarsu lejna bħala mudell," qal Sassoli.  Huwa sostna li d-drittijiet u l-privileġġi tal-Unjoni Ewropea ma nistgħux neħduhom daqslikieku huma dejjem hemm, anzi bħala responsabilità ikbar li qed titpoġġa fuqna. 

Sassoli qal li l-mudell Ewropew mhuwiex wieħed perfett u jfakkar ukoll li l-UE għandha regoli u l-mekkaniżmi li jżommu lil dawk fil-poter fil-bilanċ. "Kienet kuraġġuża, investigat b'mod estensiv," qal Sassoli dwar Caruana Galizia, fil-preżenza ta' uliedha Matthew u Andrew Caruana Galizia. 

Huwa sostna li hija sfortuna illi Caruana Galizia ma kinitx l-unika persuna li sfat vittma tal-attakk kontra l-ġurnaliżmu. Huwa fakkar f'Jan Kuciak fl-Islovakkja, fl-assasinju ta' ġurnalist fil-Greċja u anke riċentement fl-Olanda.  Huwa saħaq li l-ġurnalisti ma għandhomx jiġu attakkati meta qed iwettqu xogħolhom u qal illi sfortunatament ħafna ġurnalisti jiffaċċjaw insulti, huma suġġetti għall-każi l-Qorti li ma jkunu ta' ebda sustanza u bil-għan li jwaqqfulhom l-attvità. Huwa qal li l-pandemija werietna l-importanza ta' informazzjoni li tkun affidabbli għalkemm l-istess pandemija ntużat ukoll biex timmina il-ġurnaliżmu u l-midja.

Faħħar inizzjattivi bħall-Pandora Papers u fakkar li hawn madwar 130 pajjiż li fim il-ġurnaliżmu huwa parzjalment jew inkella kompletament mblukkat. 

Sassoli temm jgħid li hemm bżonn illi l-ġurnalisti li jaħdmu online ikunu protetti u jinstabu modi ta' kif dawk li b'għemilhom jirrestrinġu l-libertà tal-midja jkunu penalizzati. "Irridu nkunu ċerti li s-saltna tad-dritt mhijiex immininata, għaliex din hija s-sinsla tal-ġurnaliżmu indipendenti. 

Intant ir-rebbieħa ta' dan il-premju huma Forbidden Stories - l-istess konsorzju ta' ġurnalisti li ħadmu fuq id-Daphne Project. Forbidden Stories fil-fatt huma magħrufin għax-xogħol li jagħmlu hekk kif ikomplu stejjer ta' ġurnalisti arrestai jew inkella - saħansitra - assassinati. 

L-istorja rebbieħa ta' dan il-premju hija Pegasus Project. 

Kelliem għall-Forbidden Stories sostna li dan il-premju ifisser ħafna u fakkar ukoll li "l-impunità hija dik li qed toqtol il-ġurnalisti." 

Huwa qal li meta jinqatel ġurnalist ma jkunx hu u l-familja tiegħu jew tagħha biss li jbatu imma wkoll il-poplu għaliex ikollu inqas aċċess għall-informazzjoni. 

"il-messaġġier tistgħu toqtluh imma qatt il-messaġġ."

Din hija l-istorja ta' Pegasus Project fil-qosor: 

Rivelazzjoni mingħajr preċedent ta' aktar minn 50,000 numru tat-telefon magħżul għas-sorveljanza mill-klijenti tal-kumpanija Iżraeljana NSO Group turi kif din it-teknoloġija ġiet abbużata sistematikament għal snin sħaħ. Il-konsorzju Forbidden Stories u Amnesty International kellhom aċċess għar-reġistri ta' numri tat-telefon magħżula mill-klijenti tal-NSO minn aktar minn 50 pajjiż sa mill-2016.

Ġurnalisti mill-Proġett Pegasus – aktar minn 80 ġurnalist minn 17-il organizzazzjoni tal-midja f'10 pajjiżi, ikkoordinati minn Forbidden Stories bl-appoġġ tekniku tal-Laboratorju ta' Sigurtà ta' Amnesty International, xtarru dawn ir-reġistri ta' numri tat-telefon u setgħu jħarsu wara l-ħabi ta' din l-arma ta' sorveljanza, li qatt qabel ma kien possibbli fuq dan il-livell.

Il-konsorzju Forbidden Stories skopra li, kontra dak li qal l-NSO Group għal ħafna snin, inkluż f'rapport ta' trasparenza riċenti, dan l-ispyware ġie użat ħażin b'mod mifrux. Id-data żvelata wriet li mill-inqas 180 ġurnalist ġew magħżula bħala miri f'pajjiżi bħall-Indja, il-Messiku, l-Ungerija, il-Marokk u Franza, fost pajjiżi oħra. Miri potenzjali jinkludu wkoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, akkademiċi, negozjanti, avukati, tobba, mexxejja ta' unions, diplomatiċi, politiċi u diversi kapijiet ta' stati.

More in Politika