Il-Pulizija jmorru għalxejn fid-djar ta' Jason Azzopardi u ġurnalist wara li rċevew telefonati ffalsifikati

Dak li seħħ jissejjaħ ‘phone spoofing’ jiġifieri meta xi ħadd jiffalsifika n-numru u anke l-isem li jidher fuq il-mowbajl ta’ min qed jirċievi t-tefonata

Fis-satra tal-lejl, il-Pulizija spiċċaw marru għalxejn fi djar tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u anke ta’ ġurnalist wara li l-Pulizija rċeviet telefonati foloz b’rapporti li kellhom bżonn l-għajnuna.

Jidher li l-Pulizija rċeviet dawn il-messaġġi bin-numri ta’ Azzopardi u tal-ġurnalist minkejja li ma kinux huma li bagħtuhom.

Dan jissejjaħ ‘phone spoofing’ jiġifieri meta xi ħadd jiffalsifika n-numru u anke l-isem li jidher fuq il-mowbajl ta’ min qed jirċievi t-tefonata.

Fl-istess ħin li l-Pulizija rċeviet dawn il-messaġġi, kemm Azzopardi u anke l-ġurnalist irċevew ukoll diversi messaġġi foloz attaparsi mingħand nies li jafu, inkluż ġurnalisti u anke Pulizija.

Fost dawn, ġie ffalisfikat ukoll in-numru ta’ Matthew Caruana Galizia, iben Daphne. 

Jidher li anke t-Times of Malta rċeviet telefonata falza u n-numru li deher kien dak ta’ Jason Azzopardi.

Il-messaġġ irrekordjat fuq din it-telefonata kien jgħid: “Stop writing about the spoofs. Stop writing about Yorgen Fenech. Stop writing about blogger Simon Mercieca ... stop writing now.”

Meta t-Times of Malta ppruvat iċċempel lura, in-numru ġie mmarkat bħala ineżistenti.

Skont Azzopardi, għamel lejl sħiħ jirċievi telefonati mingħalih mingħand persuni li jaf. Qal li kull darba li rrisponda kien hemm biss ħsejjes strambi, mużika jew messaġġi rrekordjati.

Qal ukoll li l-Pulizija marru għandu fis-2am wara li qalulu li rċevew telefonata mingħandu fejn qed jitlob għall-għajnuna.

More in Politika