Baġit 2022 | Trasport pubbliku b'xejn għal kulħadd; Aktar għajnuna jekk tixtri karozza elettrika / hybrid

Kull min għandu Tal-Linja Card se jkun qed jibbenefika minn din il-miżura li mhux se tgħodd għat-turisti

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li mis-sena d-dieħla, it-trasport pubbliku mistenni jkun b'xejn għal kulħadd, kemm għall-Maltin u anke għall-Għawdxin.

Kull min għandu Tal-Linja Card se jkun qed jibbenefika minn din il-miżura, li mhux se tgħodd għat-turisti. 

Din il-miżura mistennija tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Ottubru tas-sena d-dieħla bil-għan li jilħqu jsiru d-diskussjonijiet u anke l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista' jħejji għal żieda mbassra fid-domanda.

Aktar inċentivi biex jiżdiedu karozzi elettriċi / hybrid

Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll żieda fl-għotja finanzjarja għal dawk li jixtru karozza elettrika jew inkella plug-in hybrid. 

L-għotja finanzjarja se tkun qed tiżdied bi €3,000 minn l-għada tal-baġit.

Minn €8,000 għal xiri ta’ karozzi elettriċi jew plug-in hybrids din sa titla’ għal €11,000, u titla’ sa €12,000 f’każ li se tiġi użata l-iskema tal-iskrappjar tal-vetturi wkoll.

Fit-tliet snin li ġejjin, se jiġu installati madwar 1,200 charging point fil-pajjiż kollu.

Tiżdied l-għotja finanzjarja fuq skrappjar ta’ vetturi li jħammġu f’Għawdex

L-għotja finanzjarja tal-iskema ta skrappjar ta’ vetturi li jħammġu se tiżdied b’€1,000 biex issa din se titla’ għal €2,000.

Roti u roti elettroniċi

L-iskemi fejn qed tingħata għotja ekwivalenti għal rifużjoni sħiħa tal-VAT fuq roti u roti elettroniċi, ser terġa’ tiġi estiża.

L-istess jgħodd għall-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ muturi, scooters, pedelecs u roti assistiti b’mutur tal-elettriku u l-għotja għal min 
jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass minflok bil-petrol.

Skema għall-vetturi li jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi

Il-Gvern se jniedi skema ġdida fejn vetturi bħal minibuses, coaches u trakkijiet li fuqhom jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi, jingħataw 
għotja sa massimu ta’ €900.

More in Politika