Baġit 2022 | Int pensjonant? €5 żieda fil-ġimgħa għalik u inqas taxxa biex tibqa' taħdem

Il-Ministru jħabbar ukoll żieda fl-għajnuna supplimentari u anke żieda fil-bonus għal dawk li ma ħallsux biżżejjed bolla

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-pensjonijiet se jkunu qed jerġgħu jiżdiedu, aktar minn kemm dawn żdiedu s-sena li għaddiet. Fil-fatt, il-pensjonanti kollha se jkunu qed igawdu minn €5 żieda fil-ġimgħa jew €260 fis-sena.

Din tinkludi l-€1.75 kumpens tal-għoli tal-ħajja u €3.25 żieda addizzjonali. 

Żieda fl-għajnuna supplimentari

Ħabbar ukoll żieda fl-għajnuna supplimentari. Persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 se jkunu qed jirċievu żieda fil-benefiċċju li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa skont id-dħul tagħhom.

Persuni waħedhom, inkluż romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 se jieħdu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa

B’kollox se jibbenefikaw kważi 29,000 persuna bi spiża ta’ €5.6 miljuni fis-sena.

Inqas taxxa għall-pensjonanti ... inċentiv biex jibqgħu jaħdmu

Apparti minn hekk, il-Ministru Caruana ħabbar inqas taxxa għall-pensjonanti bil-għan li dawn ikunu mħeġġa jibqgħu jaħdmu. 

It-taxxa se tibda titħallas biss fuq id-dħul li l-pensjonant partikolari jkollu mill-impjieg (mill-paga) u mhux mill-pensjoni.  Dan ifisser li d-dħul mill-pensjoni mhux ser jibqa’ jiġi kkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa.

Spjega kif din il-miżura se tkun introdotta fuq perjodu ta' ħames snin anke għax sal-lum, il-Gvern idaħħal madwar €27 miljun f'taxxi mħallsa mill-pensjonanti. 

Dan ifisser li madwar 8,500 pensjonant li għandhom dħul ieħor mal-pensjoni se jaraw tnaqqis sostanzjali fit-taxxa li jħallsu filwaqt li 8,200 pensjonant li għandhom dħul ieħor mal-pensjoni mhux ser jibqgħu jiġu ntaxxati.

Lil dawk il-koppji b’pensjoni u għandhom komputazzjoni ta’ miżżewġin ser ikomplu jgawdu minn €3,600, dħul ieħor li jkun eżentat minn ħlas ta’ taxxa.

Żieda ta' €150 fil-bonus annwali għall-pensjonanti li ma ħallsux biżżejjed bolla

Il-Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern se jkun qed jagħti żieda ta' €150 fil-bonus annwali għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet, jiġifieri ma ħallsux biżżejjed bolla.

B’hekk il-bonus għal dawk li ħallsu anqas minn 5 snin bolol ser jitla’ għal €400 fis-sena, u għall-persuni li ħallsu aktar minn 5 snin bolol il-bonus ser jiżdied għal €500 fis-sena.

Madwar 12,500 persuna, l-aktar nisa, se jgawdu minn din iż-żieda b’nefqa totali ta’ kważi €2 miljuni.

€50 għall-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar

Il-Gvern ħabbar ukoll li se jżid b’€50 l-Għotja għall-Anzjani li għadhom jgħixu filkomunità jew f’dar tal-anzjani privata.

Din tgħodd għal dawk li għandhom 80 sena jew aktar biex hekk dawn issa se jieħdu €400 fis-sena.

More in Politika