Filmat | Il-Papa se jżur Malta fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla ... jikkonferma l-Prim Ministru

Il-Prim Ministru jinsab il-Vatikan għall-ewwel żjara tiegħu minn meta sar Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li l-Papa Franġisku mistenni jżur il-gżejjer Maltin fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla u dan hekk kif iż-żjara li kellha ssir f'Diċembru ġiet posposta. 

Abela ħabbar dan ftit wara li ntemmet laqgħa privata mal-Papa Franġisku, l-ewwel żjara tiegħu fil-Vatikan minn meta sar Prim Ministru.

Fi kliem Abela, il-Papa qal li jinsab entużjast biex jiġi Malta. 

Huwa qal li tul il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, b'mod partikolari l-immigrazzjoni irregolari. Skont il-Prim Ministru, il-Papa kellu kliem ta' tifħir għall-mod ta' kif Malta aġixxiet f'din il-kwistjoni.

Tkellmu wkoll dwar it-tibdil fil-klima, fost suġġetti oħra. 

Id-delegazzjoni Maltija li fost l-oħrajn kellha laqgħa privata mal-Papa Franġisku tinkludi l-Prim Ministru, is-Sinjura Abela u binthom Giorgia Mae, kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan Frank Zammit.

More in Politika