'Tlabt li nkun sostitwita minn membru tal-Kunsill tal-Ewropa u mhux imneħħija' - Cutajar twieġeb

Cutajar kienet intalbet tidher quddiem il-Kumitat tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa hekk kif qed tkun akkużata mill-istess Assemblea li kissret il-kodiċi ta’ etika tad-Deputati meta kienet qed tgħin lil Yorgen Fenech jixtri proprjetà ta’ €3.1 million fl-Imdina

Id-Deputata Rosianne Cutajar qalet li mhuwiex minnu li ġiet "imneħħija" minn membru tal-Kunsill tal-Ewropa u li kienet hi stess li numru ta' xhur ilu, qabel ma tressaq l-ilment kontriha, talbet li tkun sostitwita.

Fil-fatt, il-Ministru Miriam Dalli se tkun qed tieħu post Cutajar bl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. 

Fl-aħħar ġimgħat, għat-tieni u l-aħħar darba, Cutajar kienet intalbet tidher quddiem il-Kumitat tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Hija qed tkun akkużata li kissret il-kondiċi ta' etika tal-istess Assemblea meta kienet involuta ma' Yorgen Fenech fi ftehim għal xiri ta' proprjetà fl-Imdina.

Din l-Assemblea tiġbor fiha għadd ta’ Deputati Parlamentari ta’ diversi pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa.

F'kumment fuq Facebook, filwaqt li saħqet li mhuwiex minnu li tneħħiet, imma li kienet hi stess li xhur ilu talbet li tkun sostwita, insistiet li xorta waħda se tibqa' tiddefendi isimha "mill-allegazzjonijiet u dubji li qed jiġu mitmuha l-ħbieb ta’ Jason Azzopardi u l-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa."

Kien f’April li għadda meta l-eks rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Pieter Omtzigt, kiteb lil Kumitat biex jinvestiga lil Cutajar.

Hi kienet għamlet diskors fl-istess Assemblea fejn ikkritikat ir-rapport tiegħu, partikolarment meta hu jsemmu l-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech. Huwa qed jisħaq li kien hemm possibbilità ta’ kunflitt ta’ interess minħabba r-rabta tagħha ta’ Fenech.

Cutajar kienet irriżenjat b’mod temporanju minn minn Segretarju Parlamentari wara allegazzjonijiet li ħadet flus b’rabta ma’ dan il-ftehim mingħand l-istess Fenech. 

Cutajar dejjem ċaħdet li rċeviet senserija u li dan id-dħul ma ddikjaratux fid-dikjrazzjoni tal-assi. Hi kienet qalet li €9,000 li rċeviet mingħand Yorgen Fenech kienu rigal ta’ għeluq snina. Is-sid tal-proprjetà qed jisħaq li Cutajar ħadet €46,500  f’sesnerija u qed ifittixha għax iridhom lura.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ma kienx emminha u saħaq li kisret il-kodiċi tal-etika meta ma ddikjaratx dan id-dħul. Kien dan li wassal biex ir-riżenja tagħha ssir waħda permanenti.

More in Politika