Birdlife Malta titlob biex il-Ponta tal-Qawra ssir żona illi fuqha ma tistax issir kaċċa

Tgħid li din iż-żona qed tkun ideali għal kaċċa fuq għasafar deħlin lejn ir-Riserva tas-Salini...

Il-Ponta tal-Qawra, magħrufa wkoll bħala Ta' Fra Ben
Il-Ponta tal-Qawra, magħrufa wkoll bħala Ta' Fra Ben

Wara l-inċident ta' dalgħodu li ħalla erba' fjammingi mejta u żagħżugħ akkużat quddiem il-Qorti Birdlife Malta sostniet it-talba "urġenti" tagħha li l-Ponta tal-Qawra tkun żona illi fiha ma tistax issir kaċċa. 

L-għaqda tispjega kif din il-gżira żgħira tinsab f’pożizzjoni strateġika għall-għasafar tal-passa li jsibu kenn fuqha u bil-viċinanza tagħha lejn ir-Riserva Naturali tas-Salina mmexxija minn BirdLife Malta, hekk kif l-għasafar li jkunu deħlin jew ħerġin mir-riserva "diġà spiċċaw kemm-il darba fil-mira tal-kaċċaturi f’dawn l-inħawi." Fakkret ukoll kif din iż-żona hija qrib iż-żona residenzjali tal-Qawra, minn fejn tgħid li diġà saru diversi lmenti dwar l-użu kontinwu ta’ apparat illegali tal-għajjat elettroniku, lejl u nhar.

BirdLife Malta qalet illi hija konxja li dan l-aħħar kien reġistrat progress dwar din it-talba, u l-NGO saħanistra kienet ippreżentata bi ftehim biex il-post jgħaddi taħt il-kustodja tagħha, "imma dan kellu jiġi rrifjutat sakemm ma titwaqqafx il-kaċċa f’din iż-żona."

"Fid-dawl ta’ dan kollu BirdLife Malta qed tappella lill-Prim Ministru Robert Abela biex iħares il-Ponta tal-Qawra u l-għasafar li jtiru minn fuqha billi jiddikjara dawn l-inħawi bħala post fejn ma tkunx permessa aktar il-kaċċa. BirdLife Malta qed tistenna li dan iseħħ hekk kif il-pubbliku huwa rrabjat bil-problema tal-qtil illegali tal-għasafar f’pajjiżna," temmet tgħid l-istqarrija ta' Birdlife Malta. 

Intant aktar kmieni l-FKNK ukoll ħarġet stqarrija illi fiha kkritikat bil-qawwa dan l-inċident u sejħet lil dan il-kaċċatur, "kriminal li ma hemmx postu f'soċjetà ċivilizzata."

More in Politika