Aġġornata | Żagħżugħ arrestat wara li qatel erba' fjammingi fil-Qawra

Raġel ta' 23 sena jispiċċa arrestat u jittella' l-Qorti wara li spara u qatel erba' tajriet protetti dalgħodu...

Il-Fjamming, għasfur protett bil-liġi - Hawnhekk jidhru dawk li qatel l-akkużat
Il-Fjamming, għasfur protett bil-liġi - Hawnhekk jidhru dawk li qatel l-akkużat

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-7:30 a.m il-Pulizija rċeviet rapport li fl-inħawi ta’ Fra Ben, il-Qawra, kienu għadhom kemm ġew sparati tiri fuq tajr protett.

Il-Pulizija ġiet infurmata wkoll li fuq il-post kien hemm vettura li allegatament kienet tal-istess persuna li spara t-tiri.

Pulizija tal-Environmental Protection Unit, tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u arrestaw raġel ta’ 23 sena, residenti l-Gżira. Minn tfittxijiet li saru, instabu arma tan-nar, munizzjon u erba` fjammingi mejta.

Bl-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, ittellaw tliet fjammingi mill-baħar, filwaqt li l-ieħor instab fuq il-blat.

Intant aktar tard huwa tressaq il-Qorti, bil-Qorti ma taċċettax it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Intant fi stqarrija bi kliem iebes il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) mhux biss ikkundannat dan l-att imma qalet illi nies bħal dan iż-żagħżugħ huma kriminali li m'għadx fadal posthom f'soċjetà ċivilizzata. Dan filwaqt illi apparti li kkundannat l-inċident BirdLife Malta appellat lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiddikjara il-Ponta tal-Qawra post fejn ma tistax issir kaċċa

More in Politika