‘Il-barranin mhux jitkażaw biż-żagħżugħ Malti li nqabad b’joint imma bil-kriminal korrott li ħelisha’

Minn partit li fl-aħħar xhur ġie msejjaħ “konservattiv”, "patrijarkali” u “ma jafx xi jrid.” X’jemmen il-PN dwar in-nisa fil-politika? X’jaħsbu ta’ Team Start dwar il-korruzzjoni f’Malta? Fuq kollox, x’inhi l-idea tal-President ta’ Team Start, Eve Borg Bonello, dwar kwistjonijiet soċjali bħall-ewtansja, l-abort u l-kannabis?

Jekk il-gazzetta ILLUM tinżel fit-toroq u tistaqsi lill-pubbliku kif jafu lil ta’ Team Start, il-probabbiltà hi li jissemmew iċ-ċekk ta’ Yorgen Fenech li twassal minn din l-għaqda fil-kwartieri ġenerali Laburista jew inkella s-sun beds fl-eqqel tax-xemx ta’quddiem il-Parlament.

Għaldaqstant l-ILLUM iltaqgħet virtwalment mal-President ta’ Team Start, Eve Borg Bonello, wiċċ sinonimu mal-protesti tal-2019 u tkellmet magħha fuq dawn iż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fuq id-deċiżjonijiet li ħa l-Partit Nazzjoanlista fil-konfront ta’ sitwazzjonijiet soċjali u anke dwar l-idea tagħha fuq suġġetti li frekwentament jiġu indirizzati lejn in-nisa.

‘Li niġġieldu l-korruzzjoni mhux redikolu’

Fil-fatt il-gazzetta mal-ewwel staqsiet lill-Eve Borg Bonello rigward ix-xogħol li qiegħed isir minn Team Start f’dawn l-aħħar ftit xhur. B'mod partikolari, b’dawk li fl-intervista ta’ nhar il-Ħadd mal-ILLUM, President tal-Forum Żgħazagħ Laburisti, Georvin Buġeja, sejjaħ bħala “stunts redikoli.”

Nirreferu għas-sun beds, il-kpiepel mill-panama u ma ninsewx iċ-ċekk enormi li twassal minn din l-għaqda mal-bieb tal-Kwartieri Ġenerali Laburista.

Borg Bonello mal-ewwel iddefendiet l-azzjonijiet ta’ Team Start u qalet li dawn saru biss biex jasal messaġġ fis-soċjetà b’mod speċjali dik żagħżugħa dwar il-korruzzjoni f’pajjiżna.

“Li nara redikolu li nisimgħu dawn l-istejjer kollha jduru mal-korruzzjoni u mbagħad naraw l-istess politiċi jilagħbuha ta’ progressivi, dak hu redikolu, mhux li nagħmlu aħna.”

Hi tennet li kull azzjoni u deċiżjoni minn Team Start saret biss biex ikunu viċin iż-żgħażagħ u biex inwasslu l-messaġġ.

“L-istess għamilna biċ-ċekk ta’ Yorgen Fenech. Ħarġet fuq it-Times li allegatament Yorgen Fenech kien se jagħti ċekk ta’ €200,000 lill-Partit Laburista. B'hekk għamilnielu ħajtu aktar faċli u għaddejnihomlu aħna u staqsejna lill-Kummisarju tal-Pulizija jinvestiga dawn il-flejjes.” 

Stqarret li dawn l-ideat ħarġu sforz is-sitwazzjonijiet li skonthom mhumiex ġusti u minflok għamlu konferenza tal-aħbarijiet wara mejda, “tipika ta’organizazzjoni poltika”, ħarġu b’sun beds quddiem il-Parlament. Iddeskriviet dan kollu bħala azzjoni “aktar interattiva u forsi wkoll iktar interessanti għal żgħażagħ bħalna”.

Li nara redikolu li nisimgħu dawn l-istejjer kollha jduru mal-korruzzjoni u mbagħad naraw l-istess politiċi jilagħbuha ta’ progressivi, dak hu redikolu, mhux li nagħmlu aħn

Il-gazzetta ġibdet l-attenzjoni fuq każ ta’ bullying li seħħ fuq membru ta’ Team Start propju wara li ġew ippubblikati numru ta’ ritratti fuq il-midja soċjali. Il-gazzetta staqsiet jekk azzjonijiet bħal dawn jħallux impatt fuqhom bħala għaqda jew jekk jaqtgħux qalbhom.

“Mhux se nigdiblek, dejjem se tkun diffiċli speċjalment meta tkun żagħżugħ jew żagħżugħa, għadek żgħira, f’età mimlija insigurtà u mbagħad tara dawn l-affarijiet, imma iva worth it għax jekk mhux aħna mela min?”

Hawn Borg Bonello semmiet l-esperjenza tagħha fejn wara protesta kella theddid fuq ħajjitha. Minkejja dan kollu hi insitiet li tippreferi hekk, li taffaċja t-theddid milli tgħix f’pajjiż f’dan l-istat.

‘Bdejna b’pedament sod imma ridna nkunu aktar pro-attivi' 

Din il-fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista tilqa’ fiha żgħażagħ bejn l-14 u t-18–il sena. Ilha attiva għal dawn l-aħħar ftit snin iżda l-gazzetta nnotat kif fil-preżent qed tkun aktar pro-attiva.

Qegħdin juru l-preżenza tagħhom fuq pjattaformi soċjali oħra bħal Tik Tok, qed joħorġu b’ideat ġodda u anke jitkellmu fuq ġrajjiet kurrenti ħafna iktar minn qatt qabel, imma x’ġara? X’inbidel? 

Iż-żagħżugħa spjegat li meta hi kkontestat u telgħat bħala President, baqgħet tinsisti għal politika tat-toroq. Għalkemm ta’ qabilhom għamlu xogħol siewi hi xorta kellha viżjoni għal start-up politika ġdida li “ilna ma naraw ħafna f’pajjiżna.”

“Personalment nipprijoratizza dawk il-kelmtejn li jintqalu barra d-dar ċentrali, f’konverżazzjoni bejn żgħażagħ bħalna.”

Hija fakkret li l-ewwel ħaġa li għamlu l-ewwel darba li ġew eletti, kienet xahar sħiħ ta’ clean ups miftuħin ukoll għal publikku speċjalment iż-żgħażagħ madwar Malta u Għawdex kollha. Permezz ta’ dawn il-clean-ups infetaħ djalogu bejniethom u żgħażagħ li marru u fehmu x’hemm bżonn li jsir.

Mistoqsija, imma għaliex inħasset il-ħtieġa li jinfetaħ Team Start meta diġà kien hemm MŻPN miftuħ għaż-żgħażagħ? Mhux aħjar kiber l-MŻPN?

Wieġbet li minkejja r-relazzjoni tajba ma’ MŻPN, fl-opinjoni tagħha ma taħsibx li tista’ titkellem u tiddibati ma’ dawk ta’ 30 sena bħalma tfiehem, titkellem u jkollok konverżazzjoni ma’ dawk li għadhom deħlin fil-politika. 

"Urejna li kien hemm bżonn għal pjattaforma għaż-żgħażagħ li huma forsi ftit iżgħar”


L-għaqda żagħżugħa għandha l-istess ħsieb bħal partit dwar l-abort, l-ewtanasja u l-kannabis?

L-ILLUM tkellmet ma’ Eve Borg Bonello rigward numru ta’ deċiżjonijiet jew aħjar pożizzjonijiet li ħa l-Partit Nazzjonalista f’kwistjoniet li qamu fl-aħħar xhur fosthom il-kannabis.

Bdiet billi ċċarat li Team Start jemmnu li ħadd m’għandu jmur il-ħabs fuq joint. F’diskussjonijiet interni ssemma’ wkoll kif minbarra li tiġi dekriminalizzata, għandu jkun hemm mod legali kif tinxtara l-kannabis iżda l-persuna ma tagħmel l-ebda kuntatt ma’ kriminali jew is-suq l-iswed.

Hija żiedet tgħid li skontha ma jistax ikun illi l-Pulizija ta’ Malta tagħmel tfittixijiet tad-drogi li jwasslu għall-arrest ta’ żgħażagħ fuq joint. Fl-istess waqt hi saħqet li l-Pulizija Maltija għadhom jinatgħu r-riżorsi biex iffittxu u jarrestaw il-kriminali li qegħdin jaħslu għexieren ta’ miljuni ta’ ewro, jevadu t-taxxa, b’networks sħaħ ta’ kriminalità u korruzzjoni.

“Il-ġurnali internazzjonali, xi jsemmu? Dawk iż-żagħżagħ li nqabdu b’joint f’lukanda jew dawk il-kriminali korrotti li rnexxielhom igawdu l-immunità, bl-istituzjonijiet fil-but u jagħmlu ħsara lil Malta u isimha barra minn xtutna fuq livell legali u kummerċjali.”

“Li edukazzjoni sesswali f’Malta ddur mal-astinenza, mhux reali”

Il-gazzetta dawret id-diskussjoni fuq l-abort, prostituzzjoni u suġġetti simili li ġeneralment “jolqtu lin-nisa.” L-ILLUM staqsiet lill-Eve Borg Bonello kif taħsibha fuq dan kollu, mhux biss minn lenti politika iżda wkoll personali bħala mara. 

Qabel irrispondiet però l-gazzetta ma qagħdhietx lura milli tfakkarha li l-Partit Laburista għalkemm ma ħareġ fl-ebda mument ma ħareġ favur l-abort jew l-ewtansja iżda semma li lest li jiddiskuti. 

Il-Partit Nazzjonalista min-naħa l-oħra bħal donnu qata’ linja u żamm mad-deċiżjoni li kellu fis-snin ta’ qabel. L-istess deċiżjonijiet li frekwentament jiġu deskritti bħala “konservattivi.”

Spegat li bħala partit, diskussjonijiet  fl-intern diġà saru eżempju fuq suġġetti bħall-abort iżda għadhom isiru s’issa. Intant hi staqsiet lura, “qabel ma naqbdu nagħtu bejnietna fuq l-abort, mhux aħjar naħsbu fuq l-istat ta’ edukazzjoni sesswali f’pajjiżna?”

Minn punt medjuevu se naqbżu mal-ewwel fuq l-abort ... ħa nikkreaw konfużjoni sħiħa għas-soċjetà

Fi ftit kliem hi rrakkontant kif bħala tifla u issa mara li marret fi skola tal-bniet, ma taqbilx kif issir l-edukazzjoni sesswali. Il-fatt li skont hi l-edukazzjoni sesswali f’Malta ma tinkludix definizzjoni ċara ta’ kunċett ta’ kunsens u kontraċezzjoni b’xejn għal kulħadd u minflok studenti jitgħallmu l-astinenza mhux reali.

“Minn punt medjuevu se naqbżu mal-ewwel fuq l-abort ... ħa nikkreaw konfużjoni sħiħa għas-soċjetà.”

Kien f’dan il-punt fejn il-konverżazzjoni daret fuq il-kwoti tan-nisa fil-Parlament Malti. Ammettiet li biex dawn is-suġġetti, jixprunaw ruħhom aktar, narawhom aktar u anke ninormalizzawhom u jiġu diskussi jrid ikun hemm il-vuċi tal-mara aktar b’saħħitha fil-Parlament. 

“Mhux ngħid li l-irġiel ma jistgħux jitkellmu fuqhom imma ovvjament xi drabi jkollok bżonn lenti ta’ mara.”

Mistoqsija jekk hi hijiex favur il-kwoti tal-Parlament hi immedjatament qalet li mhux naraw is-sistema ħolistika u kif se taffettwa l-kultura ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin. Fil-fatt hi qalet li bħala soluzzjoni temporanja mhix perfetta iżda għalissa taqbel magħha, u fuq din spjegat f’aktar dettall.

“Il-problema hi li jekk intawluha, għalija hemmhekk qed timplika li n-nisa ma jistgħux jiksbu suċċess weħidhom u bilfors irridu nrawmuhom.”

Hija elenkat l-importanza li ninnormalizzaw in-nisa fil-politika biex ma tibqa’ qatt tkun “ta’ darba” li jkollna mara fil-poltika, iżda skontha xorta mhux naraw l-istampa kollha.

Il-gazzetta għafset fuq xi tfisser għaliha “l-istampa kollha”, u hawn Borg Bonello fetħet fuq il-fatt kif numru ta’ nisa ma jidħlux għall-politika minn jeddhom. Bħala eżempji ta’ problemi li tiltaqa’ magħhom mara hi semmiet, il-ħinijiet innifishom tas-seduti, li l-Parlament mhux jopera fuq bażi full-time u l-fatt li fil-Parlament m’hemmx child care, u “dan f’pajjiż fejn għadu jitqies responsabbiltà tal-mara li tieħu ħsieb it-tfal.”

Spjegat ukoll kif kwoti bħal dawn ma jwasslux biex isewwu l-problema kompletament speċjalment jekk poltiċi rġiel jappellaw lill-votanti biex jieħdu l-vot huma, “la darba mara xorta se titla’ bla vot.”

“Temporanjament kellna bżonn xi ħaġa radikali biex nimbuttaw lin-nisa fil-politika, imma jekk intawluha nkunu qisna qegħdin ngħidu lin-nisa tagħna li ma jistgħux jaslu weħidhom.”

‘Kif jista’ jkun jien jew ħaddieħor fix-xena politika, niddettaw azzjonijiet daqsekk intimi’

Rigward is-suġġett tal-ewtanasja, Eve Borg Bonella qalet li ż-żewġ naħat tal-argumenti għandhom punti validissimi. Innotat li l-argumenti huma mmotivati minn esperjenzi tal-passat li bosta għaddew minnhom ma’ familjari, ħbieb jew oħrajn. 

Deskritta minnha bħala kwistjoni sensittiva u kontroversjali li eventwalment twassal għal ħajja jew mewt, Borg Bonello sostniet li dan mhu post l-ebda politiku biex ideffes kliem malizzjuż u għanijiet politiċi personali.

“Issa aħna kif nittrataw il-politika Maltija qisha logħba futbol. Kulħadd iżeffen il-paroli fin-nofs mingħalih se jirbaħ xi vot. Issa kif se nħallu dawn l-istess politiċi jmexxu din it-tip ta’ diskussjoni?”

Hi rrekomandat li diskussjonijiet bħal dawn għandhom jinfetħu għal djalogu ma’ esperti tal-etika, akkademiċi speċjalment dawk fil-qasam tas-saħħa. 

“Kif jista’ jkun jien jew ħaddieħor fix-xena politika,nidettaw azzjonijiet daqsekk intimi u personali bħal din”

Repubblika, Occupy Justice u l-PN 

L-aħħar diskussjoni kienet fuq l-għaqdiet ċivili li dan l-aħħar bħal donnhom qed jiddominaw il-ġurnali u l-aħbarijiet tagħna aktar minn qatt qabel. 

Hi ddeskriviet lill-għaqdiet non-governattivi bħala s-sinsla tas-soċjetà, li jservu ta’ importanza fix-xena politika u lil hinn.

Minkejja dan hi ċċarat li għalkemm xi drabi l-Partit Nazzjonalista ħadem magħhom f’xi ċirkostanzi, xorta kulħadd iwieġeb għalih personali. La l-partit jirrispondi f’isem l-għaqdiet jew għaqda speċifika u lanqas bil-kontra.

Mill-wiċċ sinonimu tal-protesta tal-2019 għat-tmexxija ta’ Team Start fi ħdan il-PN

Eve Borg Bonello bdiet l-avventura tagħha permezz ta’ Lovin Malta, fejn ta’ 14-il sena hija kitbet artiklu dwar il-kampanja ‘VOTE 16’.  Minn hemm bdiet tinvolvi ruħha ma’ għaqdiet ċivili iżda wkoll mal-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel dehra tagħha fix-xena politika kienet propju fl-2018 bħala kelliema fil-laqgħa tal-Kunsill ġenerali tal-partit u mbagħad sena wara fl-istess avveniment.

Fl-2019, bħala studenta u bl-ebda rabta ma’ Repubblika jew Occupy Justice stess, hi tkellmet fil-protesta tal-2019.

Min-Novembru tas-sena l-oħra hi bdiet tmexxi Team Start bħala president, kif beħsibha tagħmel għalissa.

Għalkemm mhux fil-pjanijiet tagħha li tidħol bħala kandidata fl-elezzjoni li jmiss, Borg Bonello temmet tgħid,  “li nista’ nwiegħed żgur li dejjem se naħdem biex inkun ta’ servizz għal pajjiżi.”

More in Politika