Bernard Grech mill-Fosos: 'Din l-art inħobba bħal ma tifel iħobb l-ommu'

Il-Partit Nazzjonalista jinġabar fuq il-Fosos tal-Furjana sabiex jagħti għeluq il-festi tal-Indipendenza għal din is-sena

Bl-għajta, 'Kun il-Bidla', il-Partit Nazzjonalista inġabar fuq il-Fosos tal-Furjana, ftit passi bogħod minn fejn Malta ħadet l-indipendenza, 57 sena ilu.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech tkellem dwar il-bidla li jrid jara f'Malta filwaqt li xebah lill-Malta ma' omm li tati lil binha l-ikel, it-tgħalim u l-imħabba. 

"Konvint mill-missjoni tiegħi imma konvint ukoll li waħdi ma nista nagħmel xejn"

Hekk qal Grech hekk kif fakkar kif il-partit qiegħed fl-oppożizzjoni iżda x-xogħol ma waqafx minkejja li "hemm ħafna x'tagħmel u ftit x'tigwadanja."

Huwa rrakonta kif ta' 15 -il sena huwa kien inġabar fuq il-fosos fejn flimkien ma' Eddie Fenech Adami ġġieled għax-xogħol, il-ġustizzja u l-libertà. Irrakonta kif flimkien ma' Lawrence Gonzi hu emmen li kollox possibli. Irrakonta kif flimkien ma' Simon Busutill hu għażel lill-Malta bħal ma' kien ħdejn Adrian Delia meta "ressaq il-Partit Nazzjonalista viċin in-nies."

"Jien iġġilidt magħkom, bkejt magħkom, fraħt magħkom, ħdimna u rnexxejna flimkien"

Bernard Grech tratta numru ta' ġrajjiet kurrenti, l-istess sfidi li ġew diskussi f'numru ta' diskorsi li saru mill-partit stess f'lokalitajiet differenti fl-aħħar ġimgħat.

Beda' billi ammetta li jsib ruħu diżgustat dwar "kif il-Gvern Laburista niżżel pajjiżna fil-qiegħ" filwaqt li bl-istess għajta ta' Fenech Adami hu tenna li "s-sewwa jirbaħ dejjem, jekk nagħmlu l-parti tagħna." Dan kollu intqal fil-konfront tal-każi ta' koruzzjoni li f'Malta qegħdin jissemmew f'dawn l-aħħar żminijiet.

Fil-kawża kontra l-qerda tal-art agrikola, art ODZ u l-agrikoltura, Grech sostna li l-PN se jiġġieled għall-art agrikola, li qiegħed mar-residenti li qegħdin jiġġieldu għall-ispazji pubbliċi u li qiegħed ma' kull bidwi, raħħal, sajjied li qiegħed iħoss d-dritt tiegħu jitnaqar bil-mod.

Qal ukoll li l-ambjent se jkun qed jimxi id f'id mas-saħħa, b'mod speċjali s-saħħa mentali.

Intant fid-dawl ta' dan, Grech mexa fuq is-saħħa ġenerali u stqarr kemm il-darba kif Gvern taħt amministrazzjoni Nazzjonalista "ma jgħabbiex familji Maltin u Għawdxin b'piż finanzjarju żejjed. Kien għalhekk li tkellem fuq kif Gvern Nazzjonalista jħallas kull tip ta' trattament tal-kanċer li jagħmlu l-Maltin.

Rigward saħħa mentali, il-PN tkellem fl-aħħar ġimgħat kif Gvern Nazzjonalista jibni sptar ġdid iddedikat għas-saħħa mentali qrib l-isptar Mater Dei stess iżda filwaqt li reġa' semma dan kollu, tkellem ukoll dwar l-isptar ta' Għawdex. 

Dwar l-isptarijiet tal-Vitals, Grech saħaq li dik il-ġlieda li beda' Delia, issa hi tal-partit kollu u għalhekk Gvern Nazzjonalista jara li jinxtraw lura l-isptarijiet imsemmija. 

Tajjeb nfakkru li l-istess partit għamel numru ta' żjarat matul l-aħħar xahar f'bosta rħula f'Malta u Għawdex, fosthom f'Ħ'Attard fejn ġiet diskussa l-edukazzjoni, Raħal Ġdid fejn ġie diskuss l-ambjent u fl-Imqabba fejn ġiet diskussa s-saħħa. 

More in Politika