Il-PM iħabbar li l-Gvern għandu f'idu lesti l-istudji dwar trasport tal-massa taħt l-art

Abela jisħaq li jrid jaqta' l-ispekulazzjoni u insista li din il-leġislatura għadha ma spiċċatx u l-Gvern għad irid jippreżenta u jimplimenta Baġit

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern għandu lesti f’idu l-istudji dwar sistema tat-trasport tal-massa taħt l-art, jiġifieri metro.

Huwa qal dan waqt rally f’MFCC f’Ta’ Qali li ġabet fi tmiemha konferenza ta’ erbat ijiem li organizza l-Partit Laburista bit-tema ‘Inġeddu Malta Flimkien.’

Spjega li hemm ħafna mistoqsijiet x’jiġu mwieġba dwar dan il-proġett u għalhekk il-Gvern se jkun qed iniedi diskussjoni u konsultazzjoni ma’ kulħadd, għax fi kliemu, hemm vantaġġi, żvantaġġi u sagrifiċċji li wieħed irid jikkunsidra.

“Nemmen fil-konsultazzjoni man-nies. Għandna bżonn li jkollna metro? Lesti li nbiddlu l-mod kif ngħixu? Lesti li nitilqu l-karozza privata tagħna? Lesti li nagħmlu sagrifiċċju ħabba inkonvenjent waqt li qed tinbena? Lesti li nkomplu nimmodernizzaw lil pajjiżna? Il-mistoqsija l-kbira hi: ulied uliedna xi prezz se jħallsu jekk aħna nagħżlu li ma nagħmlu xejn?,” staqsa l-Prim Ministru. “Se niġu għandkom u ntellqu din id-diskussjoni importanti flimkien,” saħaq.

"Il-qabża li jmiss se tkun li nagħmlu lil Malta isbaħ għalina u għal uliedna"

Huwa ħabbar dan waqt li kien qed jitkellem dwar l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, tema li ddedika parti sostanzjali mid-diskors tiegħu biex jitkellem fuqha. Dan għax fi kliemu, kwalità tal-ħajja aħjar, ma tfissirx biss aktar flus fil-but.

Il-qabża li jmiss se tkun li nagħmlu lil Malta isbaħ għalina u għal uliedna

Kien hawn li tkellem fuq proġetti ta’ enerġija rinovabbli, il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda u oħrajn li qed jerġgħu jingħataw lin-nies.

“Irridu naraw ukoll li pajjiżna jkun wieħed li jħammeġ inqas. Dan is-sajf rajna l-impatt tat-tibdil fil-klima,” insista waqt li saħaq li l-pajjiż irid jilqa’ għal dan l-impatt. “Il-qabża li jmiss se tkun li nagħmlu lil Malta isbaħ għalina u għal uliedna.”

"Din il-leġislatura għadha ma ntemmitx"

Tul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li jrid jaqta’ l-ispekulazzjoni darba għal dejjem, b’referenza għal rapporti dwar elezzjoni f’Novembru.

“Din il-leġislatura għadha ma ntemmitx,” insista Abela waqt li fakkar li l-Gvern fadallu disa' xhur. “Irridu nikkonkludu aktar proġetti u rridu nħabbru u nwettqu baġit li jrid juri d-direzzjoni li rridu għal pajjżna.”

Kompla jitkellem fuq il-baġit u saħaq li għax il-Gvern jemmen f’ekonomija b’saħħitha, se jerġa’ jippreżenta Baġit li jwieżen lil kulħadd u li jnaqqas id-distakk bejn min jaqla’ ħafna u min le.

“Kwalità ta’ ħajja aħjar se noffru. Baġit ieħor bla taxxi. Baġit ieħor li se jwieżen lil min waqa’ lura. Baġit ieħor li se joffri tama ġdida liż-żgħażagħ. Baġit ieħor li se jerġa’ jżid il-pensjonijiet. Li se jagħti aktar inċentivi għall-investimenti. Aktar xogħol ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin. Li jħalli aktar flus fil-but tan-nies,” insista Abela.

Riforma elettorali

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi li implimenta Gvern immexxi minnu, partikolarment fil-governanza. Saħaq li għamel dan b’konvinzjoni għax inkella l-pajjiż kien se jeħel.

“Jekk ridt inservi tajjeb ma kelli nibża’ mill-ebda skrutinju,” kompla Abela. “Il-passi l-kbar li għamilna huma rikonoxxuti minn kulħadd.”

Insista li anke fejn jidħlu riformi, il-Gvern mhux se jieqaf għax fadallu ħafna x’jaħdem. Fost dan qal li hemm bżonn riforma elettorali serja li tirrifletti aħjar ir-realtajiet tal-lum il-ġurnata.

“Dan mhuwiex il-Partit li jikkuntenta ruħu għax jirbaħ elezzjoni. Jikkuntenta ruħu meta jwettaq bidliet maturi li jħallu riżultati pożittivi għall-ġenerazzjonijiet futuri,” kompla jisħaq.

“Dan huwa l-partit tal-futur”

Tul id-diskors tkellem dwar dik li sejħilha bħala l-viżjoni tiegħu għall-Gvern u għall-pajjiż u insista li huwa l-Partit Laburista biss li jista’ jagħmel dan.

“Dan huwa l-partit tal-futur, il-Partit li jħares ‘il quddiem u li ma jaqtax qalbu mill-iebes. Flimkien nagħmlu l-unika forza politika magħquda li tista’ tibqa’ ġġedded lil pajjiżna,” insista l-Prim Ministru waqt li saħaq li dan għall-kuntrarju tal-Oppożizzjoni li, fi kliemu, lanqas kienet kapaċi ġġedded lilha nnifisha.

Irrefera għall-pandemija bħala prova ta’ dan u saħaq li anke jekk kien iebes, miegħu kien hemm tim ta’ nies kompetenti li ma qatgħux qalbhom. Fi kliemu, Malta kienet ta’ eżempju għad-dinja u ma baqgħetx lura jew inkella tistenna biex tara x’se jagħmel ħaddieħor.

‘Weġibt b’aktar xogħol meta ra nies dubjużi ivvotawx tajjeb’

Tkellem dwar dak li sejjaħlu bħala “żmien diffiċli” u saħaq li l-aktar mumenti iebsa għalih kien meta ra nies li afdaw lill-Partit Laburista forsi għall-ewwel darba u li minħabba dak li seħħ, forsi ġihom dubju jekk għażlux tajjeb. Madanakollu, insista, li għal dan huwa wieġeb b’aktar xogħol.

Kwalità ta’ ħajja aħjar se noffru. Baġit ieħor bla taxxi. Baġit ieħor li se jwieżen lil min waqa’ lura. Baġit ieħor li se joffri tama ġdida liż-żgħażagħ. Baġit ieħor li se jerġa’ jżid il-pensjonijiet. Li se jagħti aktar inċentivi għall-investimenti. Aktar xogħol ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin. Li jħalli aktar flus fil-but tan-nies

“Dan għax aħna nibqgħu l-Partit ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox. Magħna tafu fejn qegħdin,” insista Abela.

“Jien soċjalist demokratiku Ewropew konvint”

 “Jien soċjalist demokratiku Ewropew konvint,” saħaq il-Prim Ministru waqt li kompla jispjega dak li fi kliemu, hu u l-moviment li jmexxi, jemmen fih.

Filwaqt li saħaq li l-ewwel u qabel kollox iġib lill-ħaddiema, saħaq li mingħajr in-negozju, il-ħaddiem ma jkollux impjieg.

“Nemmen fuq kollox fil-ħaddiem, għax il-bażi ta’ dan il-moviment u l-pajjiż huwa l-ħaddiem,” kompla l-Prim Ministru. “Jekk niċħdu dan, nistgħu niċħdu l-eżistenza ta’ dan il-Partit Laburista.”

Saħaq li l-Partit Laburista jibqa wkoll liberali u progressiv fejn jemmen li kulħadd għandu dritt iħobb u anke d-dritt li jkollu t-tfal.

“L-imħabba ma tħarisx lejn l-uċuh, is-sesswalità jew il-kulur tal-ġilda,” saħaq Abela.

“Għal darb’oħra, ħaddieħor negattiv. Imma aħna naġixxu. Ara tisimgħux kelma waħda dwar il-fatt li Malta għandha l-inqas rata ta’ qagħad fl-istorja tagħha u fl-Ewropa,” insista Abela. “Ħaddieħor jieħu gost bid-deni u aħna bil-ġid li noħolqu għan-nies.”

Kien hawn li temm jappella lill-poplu biex jingħaqad miegħu.

“Flimkien għax mingħajrkom ma aħna xejn. Għalhekk l-istedina biex tingħaqdu miegħi u tingħaqdu magħna. Kunu intom l-istilel ta’ tim Malta biex inġeddu Malta flimkien,” temm jgħid il-Prim Ministru.

More in Politika