Erba' żgħażagħ akkużati li ħaslu flus li daħlu mid-droga permezz ta' logħob fuq l-isports

L-erba' żgħażagħ inżammu arrestati u l-assi kollha tagħhom iffriżati

Erba’ żgħażagħ tressqu l-Qorti u nżammu arrestati wara li ġew akkużati li ħaslu madwar €21,000 permezz ta’ logħob fuq l-isports, liema flus kienu ġejjin mill-bejgħ tad-droga. 

L-Ispettur Robert Azzopardi qal li l-arrest tal-erba’ żgħażagħ seħħ wara informazzjoni li rċeviet il-Pulizija, liema informazzjoni waslet biex il-Pulizija tinvestiga erba’ ħwienet tal-logħob.

Azzopardi kompla jisħaq li ż-żgħażagħ naqsu milli jispjegaw minn fejn kien ġej id-dħul tagħhom, bl-Ispettur jispjega li kien hemm diskrepanza bejn l-istil tal-ħajja tagħhom u anke d-dħul li jiddikjaraw.

Huwa qal li s-sors primarju tal-flus kien ġej mit-traffikar tad-droga. Dwar dan, iż-żgħażagħ għażlu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom u jibqgħu siekta. 

Fil-Qorti nstema’ wkoll kif l-erba’ akkużati qed joġġezzjonaw il-validità tal-arrest tagħhom.

Iż-żgħażagħ kollha wieġbu mhux ħatja għall-akkużi. Għall-akkużati ntalab il-ħelsien mill-arrest, bl-Avukat Franco Debono li qed jidher għall-wieħed mill-akkużati jisħaq li l-akkużi jmorru lura aktar minn sena. 

“Għandna sitwazzjoni inkwetanti fejn il-Pulizija tagħtik il-police bail, imbagħad tiġi quddiem il-Qorti u toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest,” insista l-Avukat waqt li saħaq li bħalissa Malta għaddejja minn fażi ta’ każi dwar ħasil ta’ flus.

L-Avukati kollha li qed jidhru għall-erba’ akkużati għamlu l-argumenti tagħhom favur il-ħelsien mill-arrest, bl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jfakkar li l-erba’ persuni qed ikunu akkużati wkoll bi traffikar tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni fakkret ukoll li tnejn mill-akkużati kisru kundizzjonijiet oħra ta’ ħelsien mill-arrest, inkluż dwar curfew u anke għax ġieli naqqsu milli jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija. 

Aktar ma għadda ħin fl-awla, l-argumenti aktar bdew jisħnu, iżda minkejja dan, il-Qorti ordnat li ż-żgħażagħ jinżammu arrestati. 

L-assi kollha tal-akkużati ġew iffriżati.

More in Politika