Il-PN b'tliet proposti li joħolqu bilanċ bejn id-dritt tal-bidwi, is-sid tal-kerà u l-konsumatur

'Il-Gvern baqa' qatt ma rrikonoxa li għandna problema'

Il-Partit Nazzjonalista nġabar quddiem l-entratura tal-Pitkalija, f'Ta Qali, kmieni illum fejn ħabbar tliet proposti dwar ir-raba’, l-qbiela u l-prodott Malti.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem Uffiċjali, Peter Agius, il-Kelliem għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo, u l-kandidata Rebekah Cilia, ġew mħabbra proposti bl-għan li "jinħoloq bilanċ bejn id-dritt fundamentali tal-bidwi u dak li hu tas-sid." Skont il-Partit dan kollu sabiex ma tintelifx il-provvista tal-ikel frisk Malti.

Qabel ma ġew imħabbra l-proposti, Peter Agius ma qagħadx lura milli jfakkar li kien hemm 19 organizazzjoni u għaqda inkluż bdiewa li talbu lill-Gvern biex jieħu azzjoni iżda "mill-Gvern kellna biss silenzju, ma rajna l-ebda soluzzjoni."

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma dawn li ġejjin.

'Ilna nkarkru, imma issa wasalna f'kriżi li se tolqot ukoll il-prodott Malti nnifsu' - Peter Agius 

Skema tal-Gvern, fejn il-Gvern stess jgħin lill-bidwi jixtri l-art agrikola. Skema li tirrikjedi lill-Gvern Malti jidħol parteċipi fl-interessi u fl-ispejjeż kollha ta' dak is-self permezz anke ta' għajnuna mill-inċentivi tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni proposta tikkonċerna l-Gvern li jista' jidħol parteċipi biex il-bidwi jkun jista' jħallas il-qbiela. Agius fakka li bħalissa hemm numru ta' każi kull ġimgħa fil-Qorti ta' bdiewa li huma mitluba jħallsu prezz ġust. Din il-proposta hi ta' għajnuna għal dawn il-bdiewa kif ukoll għal bdiewa żgħażagħ li għadhom deħlin f'dan is-settur.

L-aħħar proposta hi talba għall-Gvern biex jara b'aktar serjetà l-proċess li għaddej bħalissa tar-regolazzjoni tal-qbiela. Aguis hawnhekk semma kif hawn bosta bdiewa li mhumiex ċerti mit-titolu tagħhom u li għadhom problemi b'reġistrazzjoni tal-art.

'Gvern li mhux jirrikonoxxi li għandna problema' - Edwin Vassallo

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo, semma kif l-ikbar biżà għall-bdiewa bħalissa hi li jitilfu arthom.

Li jkompli jiggrava l-inċertezza u l-biżà skont Vassallo hu li l-bidwi qiegħed jara Gvern inkompetenti, bla interess, bla rieda u bla volontà li jirranġa s-sitwazzjoni filwaqt li jagħmel ċert li jsolvu din l-inċertezza.

Vassallo fakkar li sitwazzjoni bħal din mhux qegħda thedded biss lill-bidwi, iżda ukoll id-dritt tal-poplu Malti li ma jitliftx il-prodott frisk Malti. Għalhekk hu importanti li, "insibu bilanċ għal dawn id-drittijiet. Għad-dritt ta' sid il-kera' u d-dritt għall-poplu Malti li jkollu provvista b'saħħitha ta' prodott frisk". 

Il-Kelliem fakkar li hu kemm il-dabra prova jiftaħ djalogu mal-Gvern, kemm fil-Parlament u anke lil hinn, rigward il-problemi li jolqtu dirett l-agrikoltura, iżda "l-Gvern baqa' qatt ma rrikonoxa li għandna problema."

Il-kandidata Rebekah Cilia temmet id-diskors billi enfasizzat l-importanza tal-prodott Malti li jservi mhux biss bħala kultura Maltija li jagħqqad familja ma' mejda filwaqt li jgawdu minn prodott frisk u sutanzjuż, iżda li jservi wkoll bħala dħul finanzjarju għall-bidwi u n-negozji bħal ħwienet u ristoranti. 

Hija temmet tgħid li dawn il-proposti jaf ikunu ta' għajnuna mhux biss għall-bdiewa li diġà sabu saqajhom fis-settur iżda wkoll għal bdiewa żgħażagħ u nisa li forsi għadhom se jibdew jbillu idhom fl-agrikoltura. 

 

More in Politika