Konsorzju ta' ħames kumpaniji pass eqreb lejn il-bini ta' mina bejn Malta u Għawdex

Infrastructure Malta għażlet konsorzju minn erba' konsorzji u kumpaniji oħra li wrew l-interess tagħhom fil-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex

Infrastructure Malta għażlet konsorzju minn erba' oħra li wrew l-interess tagħhom fil-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Skont rapport ta' Times of Malta, dan il-konsorzju li għadda mill-ewwel fażi ta' dan il-proċess huwa magħmul minn ħames kumpaniji. Dawn huma l-kumpanija Ingliża Equitix, il-kumpanija Ġermaniża Itochu, il-kumpaniji Torok Yapi Merkezi u Makyol u l-kumpanija Franċiża Egis.

Apparti dawn, urew l-interess tagħhom fil-proġett, il-Malta-Gozo Fixed Link Limited, Salini Impregilo SpA u l-konsorzju CGYI Malta-Gozo. Madanakollu dawn ġew eliminati mill-kumitat li analizza t-tenders.

L-istess kumpaniji jew konsorzji għandhom ċans sal-20 ta' Settembru biex jappellaw minn din id-deċiżjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, kien qal li d-disinn li qed iħarsu lejh huwa għal mina ta' 14-il kilometru bejn l-Imbordin f'San Pawl-il baħar u triq viċin it-Torri ta' Kenuna fin-Nadur. 

Filwaqt li l-Gvern jinsab kommess li jwettaq dan il-proġett, il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex ikunu ppubblikati l-istudji kollha li saru u jkunu spjegati u anke qed iwiegħed referendum fost l-Għawdxin. 

More in Politika