'Il-Beltin eleġġew il-Kunsill tagħhom u għalhekk għandu jkun irrispettat u kkonsultat'

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, jisħaq li bil-permess għall-pjattaforma enormi quddiem lukanda fi Triq Merkanti, l-Awtorità tal-Ippjanar ħolqot preċedent

“Il-Beltin tellgħu l-Kunsill Lokali tagħhom u dan għandu jkun irrispettat.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit waqt li lmenta mal-gazzetta ILLUM li kontinwament, il-Kunsill Lokali qed ikun injorat u mhux qed ikun ikkonsultat fuq affarijiet importanti li jsiru fil-Belt.

L-ILLUM poġġiet bilqiegħda ma’ Zammit wara l-aħħar kontroversja li qamet hekk kif Boutique Hotel fi Triq Merkanti, ramat pjattaforma kbira għall-imwejjed u s-siġġijiet. Dan qajjem rabja kbira fost ir-residenti, bil-Kunsill Lokali jwieġeb li hu ma ġiex ikkonsultat dwar dan u li se jappella mid-deċiżjoni.

Zammit jibda jisħaq li l-Kunsill Lokali tal-Belt, is-saħħa, jagħtuhielu mhux l-entitajiet imma l-liġi li tgħid iswed fuq l-abjar li kunsill lokali għandu jkun ikkonsultat.

“Ma jsir xejn fil-Belt jekk il-Kunsill ma jkunx ikkonsultat,” insista Zammit.

'Ktibt lit-tmexxija tal-lukanda u ħadd ma ġie jiltaqa' miegħi'

Minnufih tkellem fuq il-kontroversja tal-pjattaforma u saħaq li minkejja li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tisħaq li bagħtet notifika dwar l-applikazzjoni għal din il-pjattaforma, la hu bħala Sindku u lanqas is-Segretarja Eżekuttiva, qatt ma rċevew xejn.

“Kieku rajniha żgur li konnha se nopponu. Jiena sirt naf kumbinazzjoni meta xi ħadd mill-istaff ġie jagħmel permess mingħand il-Kunsill. Jiena ktibt lit-tmexxija tal-lukanda Rosselli biex jiltaqgħu miegħi u ħadd minnhom ma ġie,” insista.

'Aħna mhux kontra l-imwejjed u s-siġġijiet sakemm ma jagħlqux l-aċċess għan-nies'

Saħaq li hu favur iż-żoni pedonali u ma għandu xejn kontra l-imwejjed u s-siġġijiet sakemm dawn ma jagħlqux l-aċċess għan-nies. Fi kliemu, b’din l-istruttura, il-lukanda ħadet iż-żona pedonali għaliha.

“Il-Kunsill Lokali mhuwiex kontra l-imwejjed u s-siġġijiet għalkemm it-triq hija tan-nies u għandu jkun hemm aċċess għall-pubbliku u li kwalunkwe struttura tiżżarma f’sekondi f’każ li jkun hemm attività jew bżonn li tidħol ambulanza jekk vettura tat-tifi tan-nar,” kompla jisħaq.

Insista wkoll li l-lukanda ma kellha qatt taqbad tarma l-istruttura qabel ma skada ż-żmien li fih il-permess ikun jista’ jiġi appellat. Tenna li malli jinfetħu l-applikazzjonijiet, il-Kunsill Lokali se jkun qed jappella biex dan il-permess ikun irrevokat.

Kien hawn li s-Sindku insista li “kontinwament” isiru xogħlijiet fil-Belt Valletta mingħajr ma jkun infurmat il-Kunsill. Fil-fatt, ftit ħin biss qabel din l-intervista, Zammit spjega kif sar jaf li l-Enemalta ħaffret parti minn Triq in-Nofsinhar, għax ċemplulu r-residenti.

'Il-Belt mhijiex bħal kwalunkwe lokalità oħra...'

“Konsultazzjoni ma ssirx b’notifika. Jiena niftakar żmien meta l-Awtorità tal-Ippjanar kienet tibgħat għas-Sindku wiċċ imb’wiċċ biex tispjega l-applikazzjoni biex wieħed jiddiskuti,” kompla jisħaq. 

Insista li l-Belt Valletta ma tistax tibqa’ tiġi meqjusa daqs kwalukwe lokal ieħor. 

“Din hija l-Belt kapitali. Il-pjattaforma sabiħa se tiġi imma mhux adattata għall-Belt. Il-Belt mhijiex San Ġiljan jew Paceville. Din se ssir fi Triq il-Merkanti, quddiem l-Università l-Antika u l-Knisja tal-Giżwiti. Id-dehra ma tmurx mal-bini storiku. Din mhijiex pjattaforma żgħira,” insista s-Sindku waqt li fakkar li mill-istess triq jgħaddu diversi purċissjonijiet, inkluż dawk ta’ San Duminku u San Pawl u anke tad-Duluri, tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid.

Staqsa x’se jiġri fil-festa ta’ San Duminku meta jintramaw il-pedistalli tal-festa. Staqsa jekk il-lukanda hux se tkun lesta li żżarma l-pjattaforma għal tliet ġimgħat f’din il-festa u kull meta tgħaddi xi purċissjoni mit-triq. 

“Il-UNESCO tagħmilha ċara li apparti li nieħdu ħsieb il-bini storiku, irridu nieħdu ħsieb il-komunità u t-tradizzjonijiet tagħha. Irridu nipproteġu l-festi. Malli rajtha, il-festi l-ewwel li ġew f’moħħi. Ħa nagħmilha ċara. Ħadd mhu se jiġi jgħidli li l-purċissjoni tad-Duluri tgħaddi minn xi triq oħra!” insista.

Apparti minn hekk insista li hu jinkwieta li dan il-permess se jkun qed joħloq preċedent għax ġaladarba ħareġ dan il-permess, se jkun hemm min jitħajjar u l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tgħid le.

'L-idea li s-Sindku qiegħed hemm biex jiġbor iż-żibel biss ilha li spiċċat'

Issa ilu sentejn Sindku u l-ILLUM staqsietu jekk iħossx li huwa stmat biżżejjed . “Jiena nitkellem ma’ sindki oħra. Mhux jiena biss ma nkunx ikkonsultat. L-idea li s-Sindku qiegħed hemm biex jiġbor iż-żibel biss ilha li spiċċat,” saħaq.

Ilmenta li lanqas fl-okkażjonijiet tal-Istat li jsiru fil-Kapitali, is-Sindku lanqas jingħata importanza. “Affarijiet żgħar imma li jkissrulek l-entużjażmu. Aħna eletti b’mod demokratiku. Aħna mhux kap ta’ entità tal-Gvern li jista’ jitneħħa kull meta jfettilu l-Prim Ministru,” saħaq.

Tkellimna dwar il-fondi u insista li l-fondi li jingħata l-Kunsill Lokali Belti “huma tad-daħk,” tant li qal li llum jifhem għaliex il-Kunsilli ta’ qabel kienu jispiċċaw bid-dejn. Kien hawn li saħaq li l-Belt ma tistax tkun trattata daqs kwalunkwe lokalità oħra, inkluż fejn jidħlu l-fondi.

Fil-fatt, skont is-Sindku, apparti fondi oħra, il-Belt Kapitali tingħata fond speċjali ta’ €100,000, liema fond ilu snin l-istess. 

“X’se tagħmel b’€100,000 llum?” kompla jistaqsi.

Minkejja dan, insista li l-Kunsill Lokali qed jirnexxielu jaħdem tant li bħalissa, wara ħidma mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, qed isiru xogħlijiet f’diversi toroq.

Fit-28 ta’ Settembru se tkun qed tinfetaħ ukoll il-Valletta Community Clinic, li saret wara ħidma konġunta bejn il-Kunsill Lokali u l-Ministeru għas-Saħħa. 

Għaddej ukoll ix-xogħol fuq proġett ta’ Belvedere fl-inħawi tal-Qanpiena tal-Assedju, se jkun irrestawrat l-iljun storiku li jgħasses l-inħawi tal-Barrakka ta’ Isfel u diversi xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ.

More in Politika