Sondaġġ | 61% biss tal-Laburisti jaqblu li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni

... 30% biss tal-elettorat Malti jaqbel li l-eks Prim Ministru jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali

“Jekk joqogħdu jdejquni ma neskludihiex. Jekk joqogħdu sejrin Joseph Muscat, Joseph Muscat, dan Joseph Muscat xi darba jrid iwieġeb.” Hekk qal l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, filwaqt li ftaħar li għad hemm mewġa ta’ appoġġ għalih mill-pubbliku. Madanakollu, għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed jimmaġina, jekk Joseph Muscat xi darba jiddeċiedi li jirritorna fil-politika u jikkontesta elezzjoni ġenerali, ma jfissirx li xi maġġoranza enormi ta’ Laburisti se jilqgħuh mill-ġdid b’idejhom miftuħa.

Fil-fatt, sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM, magħmul minn Polar, wera kif 61% biss ta’ dawk li se jivvutaw lill-Partit Laburista jaqblu li Muscat jerġa’ jikkontesta elezzjoni ġenerali. Dan fl-istess waqt li 16% qalu ċar u tond li ma jaqblux u 23% oħra li ma kellhomx opinjoni dwar dan. 

Il-mistoqsija li għamlet il-gazzetta ILLUM kienet din: Taqbel li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni? Dan wara li fl-intervista tiegħu mat-Times of Malta, Muscat naqas milli jeskludi ritorn fil-politika jew li jikkontesta elezzjoni ġenerali, anke jekk mhux dik li se ssir fi ftit xhur oħra jew inkella f’kariga ta’ Mexxej Laburista. 

Kif wieħed jobsor, assolutament kontra kienu dawk li qalu li se jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Ftit inqas minn 3% biss qalu li jaqblu li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta. Kważi 89% huma assolutament kontra r-ritorn tal-eks Prim Ministru u kienu madwar 9% li ma weġbux għal din il-mistoqsija.

Jekk wieħed jieħu l-persentaġġi globali, jirriżulta li ftit aktar minn 30% biss tal-elettorat Malti jaqbel li Joseph Muscat jerġa’ jirritorna fil-politika. Kważi 50% huma kontra u madwar 20% ma weġbux.

Interessanti wkoll il-persentaġġi ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, jiġifieri l-elezzjoni li fiha Joseph Muscat kien għadu Prim Ministru u Mexxej Laburista. 

Minn dawn, huma ftit aktar minn 53% biss li wieġbu favur li Joseph Muscat jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni filwaqt li 23% huma kontra. Il-bqija ma weġbux.

L-ebda appoġġ assolut fir-reġjuni .... Għawdex maqsum

Jekk imbagħad wieħed iħares lejn ir-reġjuni, ma kien hemm l-ebda reġjun li fih kien hemm maġġoranza assoluta ta’ votanti li jaqblu li Joseph Muscat għandu jikkontesta elezzjoni ġenerali, lanqas f’dawk ir-reġjuni li jinkludu fost l-akbar fortizzi Laburisti.

Jekk wieħed jieħu r-reġjun tax-Xlokk, li jinkludi lokalitajiet bħal Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, l-Imqabba, iż-Żurrieq u ż-Żejtun, huma madwar 43% tal-parteċipanti li jridu lil Joseph Muscat lura fil-politika. Ftit aktar minn 36% wieġbu kontra.

Kif wieħed jista’ jimmaġina, l-inqas appoġġ għal Joseph Muscat, jekk jitħajjar jikkontesta l-elezzjoni, ikun fir-reġjun tat-Tramuntana, li jinkludi lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar, il-Mosta u Ħal Għargħur. Ftit aktar minn 16% jridu lil Joseph Muscat jikkontesta filwaqt li maġġoranza assoluta ta’ 68% huma assolutament kontra.

Għall-kuntarju tar-reġjuni l-oħra kollha, Għawdex kien maqsum meta mistoqsi din il-mistoqsija. Ftit aktar minn 42% tal-Għawdxin jixtiequ jaraw lil Joseph Muscat jikkontesta elezzjoni, filwaqt li kważi 46% huma kontra.

L-irġiel u ż-żgħażagħ l-aktar kontra r-ritorn ta’ Muscat

Anke bejn is-sessi u l-etajiet, ma kien hemm l-ebda appoġġ assolut għar-ritorn ta’ Muscat fil-politika.

Bejn l-irġiel u n-nisa, in-nisa huma l-aktar favur li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni, anke jekk ftit aktar minn 34% biss wieġbu iva. 47.8% wieġbu kontra.

Fost l-irġiel, kienu ftit inqas minn 26% li jaqblu li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni filwaqt li l-maġġoranza, jiġifieri madwar 52% huma kontra.

Fost l-etajiet, l-aktar kontra l-kandidatura ta’ Joseph Muscat huma ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-35 sena. Maġġoranza assoluta ta’ 61% wieġbu kontra filwaqt li madwar 18% biss qalu li huma favur.

Mill-banda l-oħra, il-maġġoranza (xorta mhux assoluta) ta’ dawk li għandhom bejn il-51 u l-65 sena, jiġifieri madwar 43% jridu li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta elezzjoni ġenerali. Ftit aktar minn 37% wieġbu kontra.

L-edukazzjoni għamlet differenza?

Aktar ma’ persuna rċeviet edukazzjoni formali, jiġifieri fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet edukattivi, aktar se tkun kontra li Joseph Muscat jikkontesta elezzjoni.

Fil-fatt, kienu biss madwar 14% tal-parteċipanti li għandhom edukazzjoni terzjarja li wieġbu favur li Joseph Muscat jerġa’ jikkontesta elezzjoni ġenerali. Maġġoranza assoluta ta’ 68% huma kontra r-ritorn tiegħu.

Mill-banda l-oħra, fost il-parteċipanti li waqqfu sal-primarja, madwar 46% huma favur ir-ritorn ta’ Muscat fil-politika u 40% huma kontra.

Kemm fost il-parteċipanti li l-edukazzjoni formali tagħhom waqqfet sas-sekondarja jew il-post sekondarja, il-maġġoranza huma kontra li l-eks Prim Ministru jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni.

Joseph Muscat irriżenja taħt pressjoni minn Prim Ministru f’Jannar tal-2020 ftit ġimgħat biss wara l-arrest tan-negozjant Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fenech kien viċin persuni qrib ta’ Joseph Muscat, fosthom l-eks Chief of Staff Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi li l-kumpaniji tagħhom fil-Panama kellhom jirċievu flus mill-kumpanija f’Dubaj 17 Black, liema kumpanija s-sid tagħha huwa l-istess Yorgen Fenech.

Muscat kien ikkritikat ukoll li żamm kuntatt ma’ Fenech minkejja li kien jaf li huwa suspettat ewlieni fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. Muscat saħansitra stiednu għal riċeviment ta’ għeluq sninu fil-Girgenti, fejn Fenech tah il-famużi tlett ifliexken inbid Petrus. 

Muscat dejjem qal li żamm kuntatt ma’ Fenech għax ingħata dan il-parir mill-investigaturi biex Fenech ma jissuspettax li qed kien qed ikun investigat.

More in Politika