Muscat jisħaq li hu talab apoloġija għall-qtil ta' Daphne; Jittama li l-familja taċċetta wkoll l-inkjesta Egrant

Joseph Muscat iwieġeb lil Peter Caruana Galizia f'ittra fuq Times of Malta

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu diġà talab maħfra lill-familja tal-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia anke jekk hu mhu qed jitlob xejn lura.

Muscat bagħat ittra lill-editur ta' Times of Malta biex iwieġeb għal dak li qal Peter Caruana Galizia fuq l-istess gazzetta, fejn kien kiteb li Muscat ried li tkun il-familja l-ewwel li titolbu apoloġija qabel jagħmel dan hu.

Madanakollu, Muscat insista li dan mhuwiex minnu u li hu talab apoloġija irrispettivament mir-riservi li hu għandu fuq l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista.

Muscat insista li ma jridx li jidħol f'battibekk mal-familja imma qal li qed jikteb biex jiċċara punt wieħed.

Insista li fl-intervista tiegħu ma' Times of Malta huwa talab apoloġija lill-familja kif inhu d-dmir tiegħu bħala Prim Ministru li taħtu seħħ dan ir-reat li heżżeż pajjiż.

Waqt din l-intervista Muscat kien qal ukoll li anke jekk hu aċċetta dak li qalet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju, jittama wkoll li anke l-familja u oħrajn jaċċettaw ir-riżultat tal-inkjesta Egrant.

Kien insista li ma għandu l-ebda problema jitlob apoloġija anke jekk saħaq li hu kien il-Prim Ministru li taħtu ġew arrestati u mressqa l-Qorti l-allegati qattiela u anke l-allegat mandant.

More in Politika