Il-Gvern iħabbar skema għal dawk li ma jistgħux jixtru darhom minħabba l-assigurazzjoni

Din il-miżura tal-Gvern - li se tiswa' madwar €3 miljuni -  se tapplika għal dawk il-persuni b'diżabilità jew li kellhom mard li ħafna drabi ma tinħarġilhomx assigurazzjoni biex jixtru darhom jew ikollhom iħallsu premium għoli ħafna

Il-Gvern ħabbar skema li permezz tagħha madwar 40 familja jew persuna fis-sena li sal-lum ma jikkwalifikawx għall-assigurazzjoni biex ikunu jistgħu jixtru darhom, minħabba diżabilità jew inkella mard li kellhom fil-passat, se jidħol għal dik l-assigurazzjoni l-istess Gvern. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu l-PM Robert Abela flimkien mal-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbru din l-iskema li se tiswa' €3 miljun, li se jservu ta' garanzija biex il-bank ikun jista' joħroġ dan is-self għal proprjetà sa massimu ta' €250,000 għal self totali ta' €30 miljun.

Din l-iskema qed tindirizza realtajiet ta' diversi nies li jew ma jingħatawx polza tal-assigurazzjoni jew inkella jkollhom premium għoli wisq biex persuna tkun tista' tlaħħaq magħha minħabba diżabilità jew inkella mard li kellhom qabel ma ppruvaw jieħdu self - dan għaliex il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jqisu dawn il-gruppi bħala "riskju għoli", kif per eżempju jiżdied il-premium ukoll jekk persuna tieħu self meta tkun ta' età aktar anzjana. 

"Dan huwa mudell li jagħti serħan il-moħħ lill-banek, li ma jnaffarx l-awtonomija tas-settur tal-assigurazzjoni u li fl-istess ħin jagħti dinjità liż-żgħażagħ," sostna l-Ministru Galdes. 

Il-Prim Ministru Robert Abela ta eżempju ta' mara li kellmitu li kellha biżżejjed paga biex tikkwalifika għal self u li kienet ġemmgħat ukoll l-10% biex tixtri post, iżda li ma ngħatatilhiex polza tal-assigurazzjoni għall-ħajjja propju minħabba li kellha marda snin qabel. 

"Kull ġurnata li tgħaddi hemm nies li qed isofru minn din ir-realtà. L-għan tagħna mhuwiex li nindaħlu fis-suq imma li li nidħlu fejn is-suq falla."

Huwa qal li l-Gvern jiftaħar bil-fatt li pajjiżna reġa' qed jirkupra ekonomikament propju għax dan ifisser li jista' jinħoloq u jitqassam aktar ġid "biex tinħoloq aktar tama u dinjità."

More in Politika