Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun joġġezzjona għal żvilupp ta' stabbiliment fuq art ODZ

Jisħaq li kif jinsab imniżżel dan l-istabbilment se jkollu jibni sub-station ġdida għall-elettriku li se twassal biex terġa’ tinqala t-triq li għadha kemm tlestiet b’nefqa ta’ ‘l fuq minn miljun ewro

Fejn propost li jsir l-iżvilupp fiż-Żejtun
Fejn propost li jsir l-iżvilupp fiż-Żejtun

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun oġġezzjona għal żvilupp u tkabbir ta' stabbiliment fi Vjal il-25 ta' Novembru f'żona barra l-iżvilupp (ODZ). Il-Kunsill taż-Żejtun qal illi kif ġie propost dan it-tkabbir huwa evidenti li l-karozzi tal-klijenti tal-istabbilment mhux se jsibu post fejn jipparkjaw fil-parametri tal-binja, "bil-konsegwenza tkun li se jsibu ruħhom ipparkjati fi triq arterjarli u traffikuża mmens."

Il-Kunsill sostna li dan se jkompli jżid it-traffiku fit-triq ewlenija għad-dħul u l-ħruġ taż-Żejtun. "Dan meta kif saret it-triq preżentament ma tippermettix li karozzi jipparkjaw fiha."

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun fakkar illi hu ħadem sabiex meta saret it-triq is-siġar numerużi li hemm f'dan il-vjal jiġu protetti filwaqt li ttellgħu barikati sabiex jiġu protetti l-għeruq, filwaqt li l-istess Kunsill ħawwel aktar siġar. 

"Il-Kunsill Lokali jħoss illi apparti r-raġuni li dawn is-siġar li qed jiġu proposti li jinqalgħu huma siġar protetti, hija xi ħaġa assurda illi Kunsill Lokali qatt ma ġie kkonsultat mill-2017 dwar x’inhuma l-pjanijiet għal dawn l-inħawi - biex kienu jiġu kkunsidrati waqt il-bini mill-ġdid tat-triq."

Il-Kunsill Żejtuni sostna li lanqas ma kien ikkonsultat fuq iż-żieda fit-traffiku li jfakkru li ma tteħidx kont tagħha meta inbniet it-triq. Dan - ifakkru fi stqarrija - se jwassal "għal inkonvenjenti kbar"

Hija xi ħaġa assurda illi Kunsill Lokali qatt ma ġie kkonsultat mill-2017 dwar x’inhuma l-pjanijiet għal dawn l-inħawi - biex kienu jiġu kkunsidrati waqt il-bini mill-ġdid tat-triq

"Kif jinsab imniżżel fl-appilkazzjoni dan l-istabbilment se jkollu jibni sub-station ġdida għall-elettriku li se twassal biex terġa’ tinqala t-triq li għadha kemm tlestiet b’nefqa ta’ ‘l fuq minn miljun ewro," sostna il-Kunsill. 

Wissa wkoll li dan l-iżvilupp "massiv" se jwitti t-triq għal aktar żviluppi f’dawn l-inħawi barra ż-żona ta’ żvilupp, "bil-konsegwenza tkun li se tinbidel totalment il-karatteristika tad-daħla taż-Żejtun li dejjem kienet sinonima għaliha, dak il-vjal bis-siġar fuq iż-żewġ naħat. Hekk kif dawn l-inħawi għadhom magħrufa għal art agrikola naraw li ma għandux jagħti lok biex jitnaqqas minn dak li hemm u jispiċċa jintradam dak li jippreservaw il-bdiewa."

Il-Kunsill Lokali temm ifakkar li fl-2018 kien oġġezzjona għal binja ta’ dar tal-anzjani ftit metri ‘l bogħod minn dan l-iżvilupp, fl-istess triq, bir-raġuni li dan kien se jkerrah id-daħla prinċipali taż-Żejtun.

Il-Kunsill Lokali għalhekk qed jissuġerixxi li jkun ikkonsultat fi kwalunkwe żvilupp fuq din il-proposta "minħabba n-natura ta’ kobor u impatt negattiv li jista’ jkollu fuq il-komunità. Il-Kunsill Lokali huwa wkoll fid-dover li jissalvagwardja l-għexien tal-ħwienet iż-żgħar li għadna fil-lokalità, li stabbiliment bħal dan u oħrajn fil-futur se jħallu fuqhom."

 

 

More in Politika