Iktar inkwiet għal Yorgen Fenech! Mistenni jitressaq fuq konspirazija biex jixtri armi u munizzjon illegali

Fenech se jkun interrogat fuq attentati biex jixtri munizzjon, armi u anke velenu permezz tal-użu tal-cryptocurrency Bitcoin

Yorgen Fenech mistenni jkun interrogat illum u aktar tard akkużat b'konspirazija biex jimporta armi minn siti illegali. Fenech se jkun interrogat fuq attentati biex jixtri munizzjon, armi u anke velenu permezz tal-użu tal-cryptocurrency Bitcoin, wara xhur ta' investigazzjoni li kienet tinkludi wkoll pulizija internazzjonali. 

Ma hemm ebda provi li dawn l-armi qatt waslu Malta. Minkejja dan iżda skont l-Att dwar l-Armi, l-akkwist ta' armi minn traffikar, tfisser sentenza ta' 10 snin ħabs.

Il-Kap tal-Unit kontra t-Terroriżmu fil-Korp tal-Pulizija George Cremona qed tħares lejn l-attentat ta' xiri, fost oħrajn bejn Fenech u bejjiegħa fuq sit li llum ma għadux jopera - magħruf bħala Wall Street Market - pjattaforma li kienet marbuta ma' gruppi internazzjonali ta' terroriżmu. Huwa mifhum li wieħed mill-bejjiegħa li tkellem magħhom Fenech huwa frodista li kien taparsi jbiegħ armi u munizzjon ta' kwalità u li mbagħad jaħrab bil-flus. 

Lura f'Settembru 2020 The Times kienet irrappurtat kif l-FBI kienet sabet u nnotifikat lill-pulizija Maltija dwar tfittxijiet ta' Yorgen Fenech għal velenu, ftit xhur biss qabel ma kien arrestat u akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Ftit wara l-pulizija kienu xehedu fil-Qorti kif attentat ta' xiri ta' pistola, munizzjon u silencer kienu marbutin mal-indirizz ta' Yorgen Fenech f'San Ġiljan. 

 

 

More in Politika