Schembri kien qal li rapport tal-FIAU juri biċ-ċar li ma għaddew ebda flus bejn 17 Black u l-kumpanija tiegħu fil-Panama

F'Novembru 2018 kien żvelat illi 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech u allegat li kienet 'target client' tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi 

Keith Schembri
Keith Schembri

Keith Schembri indika waqt interrogazzjoni li kienet saritlu mill-pulizija illi bejn 17 Black u l-kumpanija fil-Panama li kien fetaħ hu qatt ma kienu għaddew flus  - dan hekk kif kien żvelat minn konsorzju ta' ġurnalisti lura f'Novembru 2018 li 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech u li din il-kumpanija fid-Dubaj kienet ukoll target client tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Huwa kien saħansitra ħeġġeġ lill-pulizija biex ikellmu lill-FIAU li kienu jikkonfermaw li fil-fatt qatt ma seħħew tranżazzjonijiet bejn 17 Black u Tillgate Inc. 

Dan jindika allura li  l-eks Chief of Staff f'Kastilja kien jaf bil-kontenut kunfidenzjali ta' rapport tal-FIAU dwar 17 Black u korruzzjoni potenzjali fil-kuntratt li jitratta l-Power Station.

"Tkellmu mal-Unit tar-Reati ekonomiċi (tal-pulizija) u ċċekkjaw ir-rapport tal-FIAU u taraw kollox - nemmen li kien viċin il-verità jekk mhux il-verità nnifisha," kien sostna Schembri, jirrapporta l-istess ġurnal dalgħodu. Jidher li hu kien saħansitra ħeġġeġ lill-pulizija biex ma joqgħodux jikkwotaw lill-midja imma jiċċekkjaw ir-rapport tal-FIAU minflok.

Meta kien żvelat ta' min kienet 17 Black, kienet żvelata email ukoll minn Nexia BT - li fetħu l-kumpaniji fil-Panama ta' Schembri u Mizzi - u li kienet turi li fl-ewwel sena biss dawn il-kumpaniji kellhom jirċievu $2 miljuni minn attivitajiet ta' riċiklaġġ, turiżmu u aktar minn pajjiżi bħal Bangladesh, l-Indja u anke l-Afrika ta' isfel. 

Schembri - kuntrarjament għal Konrad Mizzi - kien ammetta fi stqarrija li 17 Black kienet parti mill-pjan ta' negozju tiegħu. 

F'Novembru 2018 kien żvelat ukoll illi $1.6 miljun daħlu f'17 Black - $1.4 miljun mill-Ażerbajġan f'isem ċerta Rufat Bartzada li huwa ħaddiem tas-sigurtà f'sit ta' kostruzzjoni u $200,000 kien allegat li daħlu mill-aġent tat-tanker tal-gass f'Delimara. 

 

More in Politika