'Wara li ttrasformaw lil Wied il-Għajn f'ġungla ta' konkos issa daru għall-baħar' - Cacopardo

Melissa Bagley tgħid li li l-PN kien favur żvilupp bla rażan u ma kienx jikkonsulta u li dan il-Gvern qed jagħmel l-istess...

Il-membri tal-ADPD f'Wied il-Għajn
Il-membri tal-ADPD f'Wied il-Għajn

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo emfasizza li l-proposta ta’ Transport Malta (TM) biex jibda l-proċess ħalli tkun żviluppata yacht marina f'Wied il-Għajn tagħmel ħafna ħsara. Huwa staqsa min kienet il-persuna li ddeċidiet dwar il-ħtieġa ta' din il-marina. "Li mhux jgħidu hu li wara li ttrasformaw lil Wied il-Għajn f’ġungla tal-konkos fuq l-art, issa jridu jħarbtu l-baħar ukoll," sostna Cacopardo.

Huwa qal li dan l-iżvilupp ir-residenti ma jriduhx u allura TM għandha tieqaf u tisma’ dak li għandhom xi jgħidu in-nies: "għax jekk in-nies dan l-iżvilupp ma tridux xi skop hemm li jibqa’ għaddej?”

“Wied il-Għajn mhix l-unika lokalità li qed tgħum f’dan it-taħwid ikkawżat minn żvilupp bl-addoċċ: hi biss l-aktar eżempju riċenti," saħaq iċ-Chairperson tal-ADPD. Huwa qal li għalhekk, "bħala partit tkellimna b’mod ċar dwar din il-ħerba, f’Wied il-Għajn u fil-bqija tal-pajjiż. Dan kollu nistgħu nindirizzawh bi pjani lokali li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tan-nies, li jrażżnu l-iżvilupp esaġerat u li jagħtu nifs lin-nies. Pjani lokali li ma jservux lill-flus imma li jservu lin-nies.”

Melissa Bagely, Deputat Segretarju Ġenerali tal-partit qalet li l-proposta tal-marina fil-bajja ta' Wied il-Għajn hija eżempju ieħor ta' nuqqas ta' konsultazzjoni mar-residenti u anke mal-Kunsilli Lokali. “Għal darba oħra l-Gvern u l-awtoritajiet qed jinjoraw l-obbligu tagħhom skont il-liġi li ssir konsultazzjoni mal-Kunsill tal-lokalità.”

“Il-fatt li l-marina qegħda fil-pjan lokali mhix skuża biex ma ssirx konsultazzjoni kif suppost," qalet Bagley li fakkret illi lura fl-2006 l-Gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien kien għadda "bħal gaffa minn fuq kulħadd" u għax kien favur żvilupp bla rażan ma għamilx l-istudji tal-impatti kif suppost.

"Il-pjani lokali huma skaduti," kompliet tgħid Bagley li qalet ukoll illi issa l-Partit Laburista fil-Gvern "bħal ta' qablu qed jiġi jaqa' u jqum mill-konsultazzjoni, bħal ta' qablu huwa favur il-qerda tal-bajjiet u tal-kosta tagħna. Qerdu l-art u issa daru għall-baħar ukoll.”

'Assalt fuq raħal pittoresk'

Brian Decelis, resident ta’ Marsaskala, li fil-passat serva ta’ kunsillier f’isem Alternattiva Demokratika fil-Fgura qal li f'dawn l-aħħar erba' snin kemm ilu joqgħod f'din il-lokalità ra dak li jsejjaħ "assalt" fuq dak li qabel kien raħal pittoresk, "bi żvilupp ma jaqta’ xejn kull fejn tħares."

Decelis qal illi l-proposta tal-marina hija "l-kolp tal-mewt – qerdu l-art u issa anke l-baħar hu ikkundannat.  Marina tfisser daqshekk se nkunu nistgħu nibqgħu ngħumu, nniżlu l-canoes jew dinghies, jew nilgħabu fil-baħar kif aħna mdorrijin bih sal lum.”

“Żgur li tqum il-mistoqsija: għaliex dan il-proġett tħabbar illum propju ftit qabel m’għanda tissejjaħ elezzjoni ġenerali? Għal li jista’ jkun, għandu x’jaqsam, ma’ proġett massiċċ ieħor ġewwa Marsaskala, qiegħed nirreferi għal dak tal-Jerma li xi kultant nisimgħu bih?"

Melissa Bagley (xellug) u Brian Decelis (lemin)
Melissa Bagley (xellug) u Brian Decelis (lemin)

More in Politika