Intervista | ‘L-istudenti ma ġewx għal €300 ... minn 18,000 student, 1,200 ħadu l-vouchers’

Kif inhu l-andament tat-turiżmu? Ġej turist ta’ kwalità? Ma stajnix bdejna mill-bidu naċċettaw turisti mlaqqma? Għaliex inċentivajna studenti mhux imlaqqma jiġu Malta? L-attivitajiet tal-massa ma għadhomx importanti għat-turiżmu? Malta attirat linji tal-ajru ġodda? L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru Clayton Bartolo

L-istaġun tat-turiżmu jinsab fl-aqwa tiegħu, anke jekk ma għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li Malta kienet drat bih. Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo biex tipprova tifhem aħjar l-andament ta’ dan is-settur li qala’ l-akbar daqqa bil-pandemija u anke tistaqsih il-mistoqsijiet li qed jagħmlu bosta, fosthom għaliex tajna €300 lil żgħażagħ mhux imlaqqma biex jiġu Malta jistudjaw l-Ingliż.

Nibdew pass pass. L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru dwar l-andament tat-turiżmu u jekk Malta hux qed tilħaq l-aspetattivi li kellha. Wieġeb minnufih li n-numri huma ‘l bogħod ħafna minn dawk tal-2019 u li “massa ta’ turisti ma hawnx,” iżda insista li s-sitwazzjoni hija aħjar minn tas-sena li għaddiet, meta l-pajjiż kien reġa’ beda jaħseb biex jagħlaq. 

“Għamilna avvanz kbir fejn jidħol it-tilqim. Dak qed jagħmilna attraenti għal nies li qed ifittxu btala f’pajjiż sigur. Il-fatt li għandna 85% tal-popolazzjoni li hija mlaqqma u qed jiġu biss turisti bil-vaċċin, żgur li qed tagħmilna destinazzjoni attraenti,” insista.

Madanakollu, il-Ministru, għal aktar minn darba, tkellem fuq l-imporanza tal-bilanċ bejn dak li għandu bżonn is-settur tat-turiżmu u s-saħħa pubblika. 

“L-akbar differenza mis-sena l-oħra huwa l-vaċċin u l-fatt li ġejjin biss turisti imlaqqma. Il-wasliet qed ikomplu jinbnew b’mod sostenibbli u mingħajr skossi. Kien hemm min qalilna li hija restrinġenti żżejjed imma ridna naraw li ma nitilfux is-sagrifiċċji kollha li għamilna fl-istess waqt li s-settur tat-turiżmu jibqa’ jinbena,” insista.

‘It-turist irid jiġi Malta ... aktar milli tħassru, il-bookings ġew posposti’

Iżda l-ILLUM tistaqsih mill-ġdid jekk hux qed nilħqu l-aspetattivi li kellu l-pajjiż, bil-Ministru jammetti li dakinhar li tħabbar li Malta se taċċetta biss turisti mlaqqma, “in-numri qalgħu daqqa ta’ ħarta” u kien “xokk.”

“Kienet l-aktar ġurnata li bħala pajjiż rajna kanċellazzjonijiet. Madanakollu rriklamajna lil pajjiżna bħala destinazzjoni sigura u fi żmien ġimagħtejn in-numri reġgħu bdew telgħin u issa qed jistabilizzaw. Is-sena l-oħra, f’Awwissu, konnha bdejna nagħlqu. Din is-sena qed naraw li nkomplu niftħu b’mod sostenibbli, responsabbli u gradwali,” kompla jisħaq il-Ministru. 

Insista li minkejja kollox, ix-xewqa li t-turist jiġi Malta għadha hemm għax fi kliemu, aktar milli tħassru, il-bookings ġew posposti. 

“Kellek turisti li kienu jafu li waslu biex jieħdu t-tilqima u pposponew. Jekk nieħdu s-suq Daniż, meta tħabbret il-miżura tal-vaċċin kellna numru ta’ kanċellazzjonijiet. Issa reġgħu żdiedu u qed nilħqu n-numri li kellna qabel,” spjega.

Kien hawn li saħaq li fejn jidħol in-numru ta’ turisti, meta tqabbilhom mal-prospetti, il-pajjiż qed “jibni tajjeb biex l-irkupru jkun sostenibbli u fit-tul.” 

‘Bħal dan iż-żmien sena t-turisti bdew jonqsu ... illum qed jiżdiedu’

L-ILLUM tfakkar lill-Ministru li x-xahar li għadda, għaddew mill-Ajruport 311,692 turist, jiġifieri rkupru ta’ 39% tat-traffiku rreġistrat f’Lulju 2019. Madanakollu, ir-rata medja ta’ rkupru f’ajruporti fin-Nofsinhar tal-Ewropa kienet ta’ 57%. La hemm daqshekk interess mit-turisti, għaliex għadna lura ħdejn ħaddieħor?

Wasalna għall-konklużjoni li aħjar immorru pass lura u nibqgħu niftħu milli niġu f’sitwazzjoni li jkollna nerġgħu nibdew nagħlqu

Il-Ministru beda jfakkar li Malta qed taċċetta persuni mlaqqma biss u allura hemm persuni li għadhom ma jistgħux jiġu Malta għax f’pajjiżhom it-tilqim għadu lura u għalhekk se jmorru f’pajjiżi oħra li xorta jaċċettawhom.

“Imma qed ninnutaw li dawk il-pajjiżi li ma għandhomx dan ir-rekwiżit ta’ Malta, f’xi mument jew ieħor qed ikollhom iżidu r-restrizzjonijiet. Aħna mhux nagħmlu dan, anzi qed naraw li nkomplu miexja ‘l quddiem b’mod sostenibbli,” saħaq. “Bħal dan iż-żmien sena, jekk tħares lejn in-numri, mit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu, it-turisti bdew jonqsu. Sa issa, dis-sena għadna telgħin.”

‘Irridu nikkunsidraw aspetti oħra ... fosthom il-ftuħ tal-iskejjel’

Kien hawn li l-Ministru Bartolo enfasizza fuq l-importanza ta’ rkupru kawt anke għax, fi kliemu, wieħed irid jikkunsidra aspetti oħra, fosthom il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.

“Ma nistgħux nieħdu deċiżjonijiet li huma tajbin fl-immedjat imma ma jagħmlux sens fix-xhur li ġejjin,” saħaq.

‘Aħjar morna pass lura u issa għadna niftħu’

Komplejna dwar il-fatt li Malta qed taċċetta biss turisti mlaqqma. L-ILLUM tistaqsih għaliex din il-miżura ma ddaħħlitx mill-ewwel u anke jekk il-fatt li daħħalniha f’salt, f’nofs sajf, bagħtitx il-messaġġ li Malta tinsab f’paniku u ma tafx x’qed tagħmel.

Il-Ministru  beda jispjega li dan ir-rekwiżit ma setax jiddaħħal mill-bidu għax kien hemm qbil fuq livell Ewropew li l-pajjiżi jaċċettaw turisti bil-vaċċin jew inkella li jkunu għamlu test għall-Covid-19. Madanakollu insista li meta Malta rat li s-sistema mhux taħdem, kellha l-kuraġġ tieqaf u ddaħħal din il-miżura.

“Wasalna għall-konklużjoni li aħjar immorru pass lura u nibqgħu niftħu milli niġu f’sitwazzjoni li jkollna nerġgħu nibdew nagħlqu,” saħaq Bartolo. “Dejjem ħarisna fit-tul biex l-irkupru jkun wieħed sostenibbli.”

Anke jekk ikun hemm ċertu kritika fl-immedjat, id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq ix-xjenza. Dan qed narawh biċ-ċar. It-turiżmu għaddej u l-pandemija taħt kontroll. Iż-żmien urina li kellna raġun

L-ILLUM tfakkru kif minkejja li l-intenzjoni kienet waħda tajba, din id-deċiżjoni li ttieħdet f’salt wasslet għal ħafna tgerfix u inċertezzi, anke minn Maltin li nqabdu barra għax kienu laħqu siefru. 

“Il-ħin f’pandemija huwa kontrik. Minn ġurnata għall-oħra jkollok tieħu deċiżjonijiet, anke jekk ikunu straordinarji. Mhux qed nibżgħu niddeċiedu, anke jekk ikun hemm ċertu kritika fl-immedjat, id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq ix-xjenza. Dan qed narawh biċ-ċar. It-turiżmu għaddej u l-pandemija taħt kontroll. Iż-żmien urina li kellna raġun.” wieġeb minnufih.

Insista kif filwaqt li jifhem il-kritika, anke minn persuni li nqabdu barra, jistenna li l-poplu jifhem li s-settur tat-turiżmu ilu jsofri 18-il xahar u ma jistax jibqa’ magħluq u l-pajjiż irid jaddatta għas-sitwazzjoni.

‘L-istudenti ma kinux ġejjin għat-€300’

L-ILLUM ma setgħetx ma tistaqsix lil Bartolo dwar l-istudenti tal-Ingliż u l-famużi €300. Tistaqsih jekk illum jiddispjaċihx li ħadem biex jattira żgħażagħ li fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej, huwa ċar li ħafna minnhom għadhom mhux imlaqqma. Mhux lgħabna man-nar?

Il-Ministru beda jisħaq li Malta ma setgħetx tiddiskrimina bejn żagħżugħ Taljan ta’ 20 sena li kien ġej b’Malta b’test negattiv tal-Covid-19 għal btala u żagħżugħ ieħor Taljan ta’ 20 sena, li wkoll kien ġej b’test imma biex jitgħallem l-Ingliż.

Iżda l-ILLUM tfakkru li Malta kienet saħansitra qed tinċentiva lil dawn iż-żgħażagħ jiġu biex toffrilhom €300 x’jonfqu. 

Il-Ministru beda jispjega li sa qabel ħarġet l-iskema diġà kien hemm ħafna studenti li kienu bbukkjaw biex jiġu Malta u l-iskema kienet tgħodd biss għal dawk li kienu għadhom se jibbukjaw. 

“Mill-1 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Lulju ġew madwar 18,000 student. Ftit aktar minn 1,200 student ħadu l-iskema tal-vouchers. L-istudenti kienu ġejjin irrispettivament mill-iskema,” insista. 

‘L-iskejjel tal-Ingliż huwa importanti’

Apparti minn hekk saħaq li din l-industrija tal-iskejjel tal-Ingliż ma tistax tingħata l-ġenb. 

“Sa qabel il-pandemija, it-tielet l-akbar skola tal-Ingliż fid-dinja kienet waħda Maltija. Dan huwa settur li miegħu jgawdu ħafna l-lukandi ta’ tliet stilel, familji li jilqgħu l-istudenti, l-għalliema u oħrajn,” kompla l-Ministru. “Dan wieħed mis-setturi tat-turiżmu u ma għandek qatt tipponta s-swaba lejn settur u mhux ieħor.”

Insista li fil-pandemija ħadd ma jista’ jbassar x’se jiġri iżda l-Gvern qed jipprova jieħu dawk id-deċiżjonijiet li huma fl-aħjar interess ta’ kulħadd. 

“Kull deċiżjoni u skema li hemm fil-pjan ta’ rkupru, hija intiża biex tgħin lis-settur kollu kemm hu. Ħarġu skemi u fadal skemi x’joħorġu biex naraw li s-settur kollu jieħu l-imbutattura,” kompla jispjega.

‘Ottimiżmu kawt għax-xitwa’

Ninsabu fl-aqwa tas-sajf, imma daqt jgħaddi wkoll. Xi prospetti hemm għall-futur? Ġejja xi xitwa kwieta?

Beda jisħaq li x-xhur tax-xitwa, għat-turiżmu, dejjem ikunu iebsa tant li qabel il-pandemija, il-Gvern ħadem biex kemm jista’ jkun it-turist jiġi s-sena kollha. 

“Ġaladarba kważi qed nibnu mill-ġdid dan is-settur, din l-isfida se terġa’ tkun magħna. L-isforzi tagħna huma biex insaħħu l-konnettività anke fix-xhur tax-xitwa u nsaħħu l-interess anke f’dawn ix-xhur,” saħaq il-Ministru.

Insista li anke jekk ix-xogħol x’aktarx li jkun kajman, saħaq li qed iħares lejn ix-xhur li ġejjin “b’ottimiżmu kawt,” anke għax bi skemi eżistenti u oħrajn li se jitħabbru, “il-Gvern se jkun qed jassigura li r-rota tkompli ddur.”

‘Malta trid tkun żona turistika waħda’

Fl-aħħar ġimgħat l-ILLUM tkellmet ma’ diversi sidien ta’ ristoranti u anke ma’ uffiċjali f’lukandi li saħqu li t-turist li qed jiġi mhux wieħed ta’ kwalità u mhux qed jonfoq daqs qabel. L-ILLUM tkellmet mal-Ministru dwar dan u staqsietu x’hemm bżonn isir biex Malta terġa’ tattira dan it-turist.

Il-Ministru ma qabilx magħna. “It-turist li hawn ilu ma jsiefer u qed naraw li l-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel qed ikollhom għadd ta’ bookings li huwa inkoraġġanti. Naħseb li hawn turist tajjeb.”

Iżda qal ukoll li f’dan l-istadju, Malta ma tistax tkun selettiva. Fakkar imbagħad li hemm l-Istrateġija għat-Turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin li tħares lejn kif Malta se tgħolli l-kwalità tat-turist li jiġi Malta.

Malta rridu li tiġi żona turistika waħda biex it-turist jinfirex anke fil-villaġġi żgħar. Dan jgħin ukoll lin-negozji żgħar tal-familja

“Fl-immedjat irridu ntejbu l-kwalità tal-esperjenza. Ġie min ġie u jekk marx jiekol pizza jew marx jiekol fl-aqwa ristorant, irid ikollu valur għal flusu u jkollu l-kwalità għal dak li qed iħallas. Irridu noffru esperjenza ta’ kwalità, li titlaq mill-prodott sal-ambjent tal-madwar,” saħaq.

Fakkar li fl-aħħar 12-il xahar il-Gvern ħabbar investimenti li jlaħħqu aktar minn €12-il miljun fl-infrastruttura turistika. Kompla jfakkar li dan l-investiment jitlaq mill-Mellieħa, ix-Xemxija, Buġibba, San Pawl il-Baħar, Birkirkara, Ħal Lija, in-Naxxar, San Ġiljan, Paceville, Marsaxlokk, il-Birgu u saħansitra Birżebbuġa.

“Dawn huma kollha elementi tat-turiżmu, inkluż dak domestiku li waqt il-pandemija rajna kemm hu importanti. Malta rridu li tiġi żona turistika waħda biex it-turist jinfirex anke fil-villaġġi żgħar. Dan jgħin ukoll lin-negozji żgħar tal-familja,” kompla jispjega l-Ministru.

Nuqqas ta’ ħaddiema fit-turiżmu. X’se nagħmlu?

Qlibna d-diskors biex nitkellmu wkoll fuq l-isfida li l-gazzetta ILLUM kitbet ħafna dwarha, jiġifieri n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tat-turiżmu. L-ILLUM tistaqsih kif se jkunu attirati aktar ħaddiema Maltin f’dan is-settur, anke għax kif rajna, ma nistgħux nibqgħu niddependu biss mill-ħaddiem barrani. 

Il-Ministru Bartolo wkoll ikkonferma li din hija sfida li trid tiġi indirizata. 

“Jekk hemm persuna li jifhem l-isfidi għall-ħaddiema f’dan is-settur huwa jien għax fil-familja kellna r-ristoranti u naf x’jiġifieri taħdem is-Sibt u l-Ħadd, fil-Milied jew fl-Għid,” beda jisħaq. “Nifhem is-sagrifiċċji imma hemm ukoll sodisfazzjon.”

Spjega kif il-problema ġejja minn żewġ fatturi, jiġifieri l-ħaddiema barranin li telqu u oħrajn li ma setgħux jiġu jaħdmu għax ma ħadux il-vaċċin u anke ħaddiema Maltin li telqu mis-settur f’nofs il-pandemija, sabu xogħol ieħor u issa mhux se jmorru lura għax għandhom pagi aħjar.

“Hemm element li ftit qed insemmuh. Hemm żgħażagħ li ma għadhomx ifittxu dan is-settur bħala part time fis-sajf. Ħafna studenti tal-Università qed jingħataw impjieg fis-sajf fis-settur li jkunu qed jistudjaw dwaru,” kompla jisħaq.

Kien hawn li għamel mill-ġdid referenza għall-Istrateġija tat-Turiżmu u semma l-introduzzjoni ta’ “Skill Cards” li jirrikonoxxu lill-ħaddiema għax-xogħol u l-ħiliet. Fi kliemu, dan se jgħin lill-ħaddiem biex ikun sodisfatt b’dak li qed jagħmel u anke biex jogħlew il-pagi, mhux għax jordna dan il-Gvern, imma għax is-servizz mogħti jkun aqwa.

“Jekk dan iseħħ, mill-ġdid se jkollok studenti li jħarsu lejn din l-industrija bħala karriera u mhux bħala part-time għas-sajf,” kompla jisħaq.

‘...aħjar milli ngħaġġlu u nitilfu s-sagrifiċċji’

Tkellimna wkoll dwar l-attivitajiet, partikolarment dawk tal-massa li kienu qed jattiraw lejn pajjiżna ħafna turisti wkoll. L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru jekk jaqbilx li dawn jibqgħu pprojbiti, issa li Malta għandna rata ta’ tilqim eċċellenti. Fakkarnih li l-Gvern Ingliż fetaħ kollox u l-pandemija baqgħet taħt kontroll. 

Il-Ministru saħaq li jifhem lill-artisti u lil dawk kollha involuti fl-industrija iżda reġa’ tenna dwar l-importanza fuq il-bilanċ u li r-restrizzjonijiet jitneħħew gradwalment.

“Inħares ‘il quddiem li nkomplu nnaqqsu r-restrizzjonijiet mingħajr impatt fuq il-kontroll tal-pandemija. Deċiżjoni teħodha meta tħares lejn l-istampa kollha kemm hi. Huwa aktar għaqli li nkomplu mexjin bil-pass li mexjin bih, milli ngħaġġlu ħafna u nipperikolaw is-sagrifiċċji kollha li għamilna,” kompla jisħaq.

‘Aktar linji tal-ajru se joperaw minn Malta’

Fl-aħħarnett tkellimna dwar il-konnettività bl-ajru u jekk Malta rnexxilhiex tirkupra aktar rotot li tilfet fil-pandemija, għax ngħiduha kif inhi, għal gżira bħal Malta, il-konnettività hija kollox.

Il-Ministru Bartolo insista li Malta diġà rkuprat aktar minn 75% tal-konnettività li kellha fl-2019 u l-Ministeru determinat li jkompli jaħdem fuqha.

Għalkemm is-sitwazzjoni għadha fluwida, qed jirnexxilna nkomplu nattiraw aktar turisti u se nkomplu ntejbu l-konnettività

Fakkar kif f’pandemija, għall-ewwel darba, Malta rnexxielha tistabilixxi konnettività diretta bejn l-Amerka u Malta biex turisti Amerikani jiġu jaqbdu cruiseliners minn Malta. Insista li minn dawn it-turisti, ħafna minnhom qed jibbukjaw biex iqattgħu wkoll ftit jiem f’Malta qabel jerġgħu jirritornaw f’pajjiżhom.

“Irridu nestendu r-rotot li għandna eżistenti u nattiraw mill-ġdid linji tal-ajru li waqqfu t-titjiriet lejn Malta fil-pandemija,” kompla l-Ministru. Fakkar li hekk ġara fil-każ tal-Emirates, li reġgħet bdiet topera minn Malta u hemm linji oħra (anke jekk ma kienx f’pożizzjoni jiżvela isimhom) li fi kliemu, se jagħmlu l-istess fix-xhur li ġejjin.

Fakkar ukoll li Malta għadha rotot ġodda, fosthom Korfu, Brindisi, Tel Aviv u Lisbona, inkluż għax-xhur tax-xitwa. 

“Għalkemm is-sitwazzjoni għadha fluwida, qed jirnexxilna nkomplu nattiraw aktar turisti u se nkomplu ntejbu l-konnettività,” temm jisħaq Bartolo.

More in Politika