16-il għaqda jakkużaw lill-Gvern li qed jaħli 'ħin prezzjuż' fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Jakkużaw lill-Ministri bi proġetti kosmetiċi u stunts tal-PR waqt li jibqgħu jonqsu mill-miri stabbiliti'

Sittax-il organizzazzjoni lokali qed jikkritikaw dik li sejħulha bħala "nuqqas ta’ azzjoni, l-irresponsabbiltà u l-inkonsistenza tal-Gvern Malti" fejn tidħol it-tibdil fil-klima.

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni saħqu li ħin prezzjuz ġie moħli minn dawk li jfasslu l-politika "kemm fil-passat u fil-preżent"  filwaqt li ripetutament naqsu mill-miri dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u l-immaniġġjar tal-iskart.

"Dan issa qed jiswielna l-kwalità tal-ħajja tagħna, u dejjem se jkompli jiġri hekk għall-ġenerazzjonijiet futuri f’Malta," kompliet l-istqarrija.

L-organizazzjonijiet fakkru li s-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni ippubblikat reċentament mill-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) "jpinġi stampa kundanabbli ħafna tad-dinja bħala riżultat ta’ għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ azzjoni fuq il-bidla fil-klima ikkawżata mill-bniedem."

Ir-rapport qed jipproġetta deżertifikazzjoni intensa u żieda fir-riskju ta’ nirien fil-Mediterran sal-2050 sakemm ma nżommux it-tisħin globali taħt iż-2°C, impenn legali li l-gvernijiet ħadu fil-Ftehim ta’ Pariġi fl-2015 iżda li jonqsu li jżommu. Dan is-sajf qed jagħtina biss togħma ta’ dawn il-projezzjonijiet.

Fakkru li lura fl-2019, il-parlament Malti iddikjara emerġenza klimatika iżda insistew li ftit li xejn sar.

"Il-Ministri jokkupaw lilhom infushom bi proġetti kosmetiċi u stunts tal-PR waqt li jibqgħu jonqsu mill-miri stabbilit b’mil. Fit-12 ta’ Awwissu, il-Ministru Aaron Farrugia saħansitra iddikjara li qed jinnegozja t-tnaqqis fil-mira tal-emissjonijiet ta’ Malta minn 36% sal-2030 għal 19%. Dan mhux biss jittradixxi nuqqas qawwi ta’ ambizzjoni, iżda juri nuqqas ta’ apprezzament għall-urġenza tas-sitwazzjoni. Minflok ma jindirizza l-kawża aħħarija, il-Gvern iniedi proġetti għaljin ta’ intenzjonijiet u riżultati dubjużi. Gimmicks ta’ carbon neutral b’manutenzjoni għolja, li l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-manutenzjoni tal-karbonju tagħhom ma jiġux ikkunsidrati, jieħdu l-post ta’ konservazzjoni u restawr serju tal-ambjent - l-ambjent selvaġġ u mhux mittiefes huwa iktar effettiv fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima," kompliet l-istqarrija.

Saħqu wkoll li l-Gvern qed jibqa’ jimbotta approċċ ibbażat fuq it-tkabbir ekonomiku mhux sostenibbli minflok fuq distribuzzjoni ġusta tal-ġid f’dinja “wara t-tkabbir”, bi spejjeż ambjentali u soċjali kbar. 

"Dan huwa l-approċċ li wassalna għal katastrofi klimatika u jippreżenta ċiklu vizzjuz. L-użu tar-riżorsi tal-ajru, tal-art u tal-baħar tagħna biex insaħħu l-profitti tan-negozju l-kbir qed iwassal għal inugwaljanzi li dejjem qed jiżdiedu u tbatijiet soċjali severi li se jibqgħu imorru għall-agħar minħabba t-tibdil fil-klima," kompliet l-istqarrija.

Akkużaw ukoll lill-Gvern li "qed ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita" billi jippermetti li l-attivitajiet li jagħmlu l-iktar ħsara lill-klima u l-bijodiversità lokali jkomplu jikbru mingħajr xkiel.

"Qed isaħħaħ id-dipendenza fuq il-karozzi privati, jippromwovi kostruzzjoni żejda li tenfasizza l-effett tal-gżira urbana tas-sħana u tuża materjali mhux sostenibbli, li jawtorizza ssiġillar rampanti tal-ħamrija minn impriżi privati u pubbliċi, ma jindirizzax serjament l-iskarsezza tal-ilma u n-nuqqas ta’ sigurta’ tal-ikel li se jkomplu jmorru għall-agħar, jipperikola l-ambjent naturali tal-art u tal-baħar li jistgħu jaġixxu bħala sink tal-karbonju, u ma jagħmel l-ebda impenn reali biex iwaqqaf il-qerda tal-bijodiversità," insistew.

Qalu wkoll li ma hemm l-ebda pjan biex tiġi indirizzata ż-żieda tal-livell tal-baħar li tista’ tgħerreq l-infrastruttura kostali, ix-xtut, u tirriżulta fil-qerda finali tal-livell medju tal-ilma tal-baħar.

"Il-pjanijiet tas-sigurtà tal-ilma għadhom amorfi, u l-komunità tal-biedja qed tiġi mgħaffġa b’mod attiv minn deċizjonijiet ħżiena hekk kif qed jiżdied it-tħassib dwar is-sigurta’ tal-ikel," komplew jisħqu.

Irrimarkaw li filwaqt li lir-rwol ta’ Malta fl-emissjonijiet globali jista’ jkun insinifikanti, din ma għandha qatt tkun skuża biex il-gvern jevita li jniedi miżuri serji ta’ mitigazzjoni.

"Il-politika dwar il-klima għandha tkun fil-qalba ta’ kull deċiżjoni li tittieħed għall-futur ta’ pajjiżna, billi tindirizza tħassib sistemiku li wassal għal din is-sitwazzjoni. Il-greenwashing attwali u attitudni ta’ li kollox jiba’ għaddej kif inhu jindikaw governanza fqira li ma tridx tagħraf l-isfidi li ġejjin. Aħna nsostnu li qed inżommu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, passati u attwali, personalment responsabbli għad-deterjorament tanġibbli tal-għixien tagħna u tal-wirt naturali minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom," temmet tgħid l-istqarrija.

L-għaqdiet li ffirmaw din l-istqarrija huma:

  • ACT Malta
  • Attard Residents Environmental Network (AREN)
  • BirdLife Malta
  • Din l-Art Ħelwa
  • Extinction Rebellion Malta
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Friends of the Earth Malta
  • MaYA Foundation
  • Moviment Graffitti
  • Nature Trust Malta
  • ORCA Malta
  • Rota
  • The Archaeological Society Malta
  • The Biological Conservation Research Foundation, BICREF
  • The 'Grow 10 Trees' Project
  • The Ramblers’ Association of Malta

More in Politika