Residenti minn Wied Għajn qed jitolbu li jsir proċess twil ta' konsultazzjoni dwar proġetti fil-lokal

Huma bagħtu ittra dwar dan lill-Ministru għat-Turiżmu u lill-Prim Ministru...

Numru ta' residenti minn Wied il-Għajn kitbu lill-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) u l-pjanijiet ta’ ‘riġenerazzjoni’ tagħha. L-ittra ntbagħtet ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, li jgħix Wied il-Għajn, u l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia. 

L-ittra tesprimi l-biża’ tar-residenti li l-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu hija "skuża uffiċjali" biex isiru xogħlijiet fi Ġnien Sant’ Anna u l-madwar - "xogħlijiet li diġà ġew pjanati minn sottokumitat li waqqaf is-sindku u li, għal iktar minn sentejn, iltaqa’ bil-moħbi biex jaħdem fuq bosta proposti għal Wied il-Għajn fi sħab ma’ Infrastruttura Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu," sostna fi stqarrija l-Moviment Graffitti.

Huma qalu li s-sottokumitat fassal pjanijiet li jservu interess ekonomiku speċifiku fiż-żona u li "jisirqu mill-art ta’ kulħadd."

Fl-istqarrija tiegħu Moviment Graffitti qal li t-titjib propost jinkludi l-bini ta’ spazju tal-konkrit ġdid fuq in-naħa l-oħra tal-bajja, "x’aktarx billi tittieħed iktar art mill-bajja ta’ Wied il-Għajn u b’konsegwenzi għadhom mhux magħrufa fuq l-ambjent." Il-proposti tas-sottokumitat jinkludu wkoll - tkompli tgħid l-istqarrija - li t-traffiku dieħel u ħiereġ minn Wied il-Għajn jibda jgħaddi minn taħt l-iskola u minn quddiem il-knisja parrokkjali, "u b’hekk jesponi l-komunità, partikolarment it-tfal u l-anzjani, għal perikli tat-traffiku kbar."

Fid-dawl ta’ dan - f'din l-ittra - ir-residenti ta’ Wied il-Għajn qed iħeġġu lill-Awtorità tat-Turiżmu twaqqaf minnufih din il-Komptezzjoni tad-Disinn "fażulla" u tniedi minflok perjodu twil ta’ konsultazzjoni mar-residenti ta’ kull età u stil ta’ ħajja dwar pjan olistiku għal Wied il-Għajn.

Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern jikkonsulta mal-Iskalin

Intant dwar dan anke l-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex jikkonsulta lir-residenti ta’ Marsaskala, lis-sidien tan-negozji lokali u lill-esperti ambjentali qabel jittieħdu kwalunkwe passi oħra fuq l-iżvilupp tal-marina.

Il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius qal li  l-firxa tal-iżvilupp li qed jiġi propost "hija sproporzjonata u aktar minn hekk, m’hemm l-ebda ħjiel ta’  salvagwardji ambjentali."

Agius sostna li ma sar l-ebda studju dwar kif il-proġett se jaffettwa l-kurrenti fil-bajja, bir-reklamazzjoni tal-art proposta kif ukoll is-700 punt tal-irmiġġ li potenzjalment iwasslu għal staġnar tal-ilma fil-partijiet interni tal-bajja.  Ikompli jistqarr li l-iżvilupp propost "lanqas ma kkunsidra kif it-tħammil u l-iżvilupp se jaffettwaw il- “magħluq”, ekosistema unika tal-ilma salmastru, ħabitat tal-uniku ħut tal-ilma salmastru Malti: il-Bużaqq.”

More in Politika