Adrian Delia jgħid li hija 'gidba' li bagħat messaġġ lil Yorgen Fenech waqt dibattitu fuq 17 Black

Dan id-dibattitu kien issejjaħ minn Delia stess wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black

L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia ċaħad dak li qed jirrapporta s-sit Lovin Malta, jiġifieri li kien bagħat messaġġ lil Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari fuq il-kumpanija 17 Black, li tagħha Fenech huwa s-sid.

LovinMalta qed jikkwotaw sorsi jgħidu li f'chat li kellu ma' persuna prominenti fin-negozju, Yorgen Fenech jgħid li Adrian Delia, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kien bagħtlu messaġġ biex juri t-tħassib tiegħu fuq intervent li kienet għamlet id-Deputat Rosianne Cutajar waqt l-istess dibattitu.

Ta' min ifakkar li kien l-istess Delia li kien sejjaħ għal dan id-dibattitu urġenti wara li kien sar magħruf li Fenech huwa s-sid ta' 17 Black. Dan kien seħħ fit-12 ta' Novembru 2018. 

Cutajar kienet waħda mid-Deputati li ċaħdet allegazzjonijiet ta' korruzzjoni li kienet qed tagħmel l-Oppożizzjoni. 

Din mhux l-ewwel darba li nqtal li kien hemm chats bejn Delia u Fenech. Fil-fatt dan kien ġie kkonfermat anke fil-Qorti, b'Delia jgħid diversi drabi li ma kien hemm xejn relevanti u li qatt ma tkellem jew iltaqa' ma' Fenech wara li sar magħruf li hu s-sid ta' 17 Black.

Fil-fatt, Delia llum qal li jiċħad kategorikament dak li ġie rrappurtat u talab biex "tali gidba tiġi rtirata minnufih."

Apparti minn hekk, kienu saru allegazzjonijiet li Delia rċieva xi flus mingħand Fenech biex jaħdem kontra l-elezzjoni ta' David Casa. Kien qed jintqal li dawn il-flus kien jiġborhom Pierre Portelli, li kien l-id il-leminija ta' Delia.

It-tnejn li huma ċaħdu dawn l-allegazzjonjiet għalkemm dwar dan għaddejja inkjesta maġisterjali.

More in Politika