Jippoża ta' 'Dun Ġwakkin' biex jisraq €3,000 mingħand anzjan ta' 90 sena

Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti u wieġeb ħati bl-Avukat tiegħu jgħid li kienu qed jiġru warajh għall-flus persuni li mingħandhom xtara d-droga

Żagħżugħ tressaq il-Qorti akkużat li ffroda madwar €3,000 mingħad anzjan ta’ 90 sena wara li ppoża ta’ qassis li qed jiġbor il-flus għall-karità.

Iż-żagħżugħ li għandu 28 sena u resident Bormla, tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

L-Ispettur Clayton Camilleri qal lill-Qorti li l-akkużat, f’Lulju li għadda, mar iħabbat id-dar tal-anzjan u qallu li kien jismu “Dun Ġwakkin” u li kien qed jiġbor il-flus għall-karità. Wara dakinhar iltaqa’ drabi oħra mal-istess anzjan.

Wara li rċeviet rapport, il-Pulizja arrestat liż-żagħżugħ meta ntlemaħ mal-istess anzjan, viċin ATM. L-anzjan kien qed jiġbed il-flus.

L-akkużat wieġeb ħati minnufih tal-akkużi kollha, fosthom ta’ frodi, li hedded persuni, fastidju u theddid.

Skont l-Avukat tad-Difiża, l-akkużat kellu jagħti xi flus lil persuni li mingħandhom xtara d-droga u li kienu qed jiġru warajh.

L-akkużat bid-dmugħ f’għajnejh, sema lill-Avukat jispjega kif iż-żagħżugħ għandu bżonn l-għajnuna u mhux ħabs. Spjega kif kien kważi se jitlef idu meta weġġa’ fuq il-post tax-xogħol għax kien fuq il-methadone.

Is-sentenza se tkun qed tingħata għada.

More in Politika