Il-qgħad jonqos b'aktar minn 2,500 fi żmien ta' sena

Anke l-qgħad fost persuni b'diżabiltà jieħu daqqa 'l isfel ta' 9%

F'Ġunju n-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 1,711 - li jfisser tnaqqis ta' 2,559 meta kkumparat mal-istess xahar fl-2020. Dawn iċ-ċifri kienu żvelati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru tnaqqis ta' 2,359 persuna tirreġistra fl-Ewwel Parti tar-Reġistru - jiġifieri dawk li qed jirreġistraw għall-ewwel darba jew inkella li qed jirreġistraw wara li tilfu l-impjieg - u tnaqqis ta' 200 persuna fit-Tieni Parti tar-Reġistru - li huwa dak li jinkorpora persuni li telqu mix-xogħol, tkeċċew mix-xogħol jew inkella rrifjutaw li jieħdu taħriġ u allura inqatgħu mir-reġistru. 

In-numru ta' persuni b'diżabilità li kienu qed jirresġistraw f'Ġunju li għadda naqas b'9% għal total ta' 253. Minn dawn 71.5% kienu irġiel. 

Il-maġġoranza ta' dawk li kienu qed jirresġistraw kienu qed ifittxu impjiegi klerikali, b'41.3% tan-nisa u 23.2% tal-irġiel ifittxu dan it-tip ta' impjieg. 

Intant it-tnaqqis fin-numru ta' persuni jirreġistraw kien f'kull settur ta' etajiet, bl-akbar tnaqqis ikun fost dawk bejn it-30 u l-44 sena, fejn minn 1,454 niżlu għal 530 dawk li kienu qed jirreġistraw, filwaqt illi fost dawk minn 45 sena 'l fuq in-numru ta' persuni jirresġistraw niżel minn 1,595 għal 827. 

More in Politika