Il-proċess biex jitneħħew it-tankijiet f'Birżebbuġa 'se jieħu snin'

It-tankijiet fil-qalba ta' żona residenzjali f'Birżebbuġa jkunu jistgħu jitneħħew wara elenku ta' studji, li jiddeterminaw ukoll is-sit x'jista' jsir. Intant l-ILLUM titkellem ukoll mar-resident George Farrugia u mal-Kunsillier tal-PN Stanley Zammit

Tankijiet jidhru minn toroq residenzjali
Tankijiet jidhru minn toroq residenzjali

Il-proċess biex jitneħħa b'mod komplet l-impjant tal-31 ta' Marzu f'Birżebbuġa "jaf jieħu s-snin" hekk kif, qabel ma fil-fatt jitneħħew dawn it-tankijiet iridu jsiru studji tas-sit, studji ta' kontaminazzjoni u studji dwar il-metodu kif se jitneħħew l-istess tankijiet. Huma dawn l-istudji li imbagħad jiddeterminaw x'ikun l-użu tal-post.

Dan qaluh mal-gazzetta ILLUM esperti tal-Enemalta li fakkru wkoll illi l-perjodu stand-by sa Diċembru li ġej hija prattika wżata fl-industrija, meta impjant jieħu post ieħor. "Huwa importanti u neċessarju li tkun assigurata s-sigurtà tal-forniment sakemm l-impjant il-ġdid f'Ħas Saptan ikun ipprovat li jaħdem b'suċċess."

Sal-aħħar tas-sena wara li jgħaddi l-perjodu stand-by Enemed uffiċjalment tapplika mal-awtoritajiet biex tneħħi minn taħt idejha dan l-impjant. Dan filwaqt li jkun aċċertat li ladarba l-faċilità tagħlaq b'mod definittiv, tkun sigura u ma tkunx operabbli.

Is-sit se jkun mgħasses 24 siegħa kuljum. 

Intant wara li l-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta tkellmet mal-Viċi Sindku ta' Birżebbuġa Scott Camilleri, din il-ġimgħa tkellmet mal-Kunsillier tal-PN fil-lokalità Stanley Zammit u ma' resident, George Farrugia propju dwar l-impjant. 

'Kuntent li wasalna sa hawn ... imma l-Gvern ma jikkonsultax!'

Mal-ILLUM il-Kunsillier tal-PN Stanley Zammit, minkejja li faħħar dan il-pass, ilmenta li l-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa kważi qatt mhu qed ikun ikkonsultat, bil-Gvern ħafna drabi jiġi fuqu b'xi ħaġa lesta. 

"Kuntent li wasalna f'dan l-istadju fi proċess li ma ninsewx illi ilu li beda hekk kif fl-2012 kien ingħalaq ukoll l-impjant li kien hemm fil-Qajjenza (tal-gass) u dakinhar ukoll ħafna residenti ta' Birżebbuġa ħadu r-ruħ," qal Zammit. 

Huwa qal illi minkejja li l-impjant se jimxi lejn Ħas Saptan, xorta f'Birżebbuġa, dan se jkun 'il bogħod mir-residenti, u allura dan se jfisser inqas tniġġiż, inqas ħsejjes u inqas irwejjaħ. Huwa nnota kif jidher li l-ħsara li saret b'dan l-impjant tidher li hija kbira, bil-fjuwil jgħaddi mill-blat u ġieli jnixxi fil-baħar. 

Kien hawn iżda li Zammit ilmenta illi l-Kunsill ħafna drabi ma jiġix ikkonsultat dwar proġetti kbar fil-lokalità. "Bħall-park ta' Bengħajsa, ma konniex ikkonsultati meta tħabbar l-ewwel, issa għandna idea ftit aħjar u tragwardi ta' meta se jkun lest. Bħall-impjant fil-Qajjenza wkoll, minkejja li lest il-proċess ta' dikontaminazzjoni l-post tħalla mitluq."  Zammit qal li minkejja diversi talbiet lil diversi Ministri, ma kien hemm ebda risposta. 

Huwa għalhekk temm jappella biex il-Gvern ikun dejjem trasparenti u jinvolvi lill-Kunsill Lokali.  

Stanley Zammit
Stanley Zammit

'Kankru ieħor imneħħi minn Birżebbuġa'

Intant George Farrugia - resident attiv anke fuq il-midja soċjali -  qal illi dan kien "kankru ieħor milli kellu dan ir-raħal li issa se jiġi mneħħi." Huwa qal li huwa importanti li "dik l-art niżguraw li tingħata lir-raħal bħala rikonoxximent tat-tbatijiet li l-Birżebbuġin ilhom isofru 120 sena." Huwa fakkar li l-unika kontribut li kien għamel dan l-impjant bħala rikonoxximent u kumpens għal dawn it-tbatijiet kien il-fonti tal-magħmudija tal-Knisja Parrokkjali tal-lokalità. 

"Jeħtieġ ukoll li titwaqqaf task force taħt l-awspiċi tal-Kunsill biex jibda xogħol fuq l-akkwist tal-art u fuq l-użu tagħha," temm jgħid Farrugia mal-ILLUM. 

Il-Viċi Sindku kien qal ukoll mal-ILLUM li dan il-post għandu jkun trasformat f'pulmun ġdid għal Birżebbuġa.

George Farrugia
George Farrugia

L-istorja tal-impjant tax-Shell

L-impjant f'Birżebbuġa kien ikkummissjonat fl-1900 mix-Shell, kif inhu popolarment magħruf mal-poplu ta' Birżebbuġa. Oriġinarjament dan l-impjant kellu żewġ tankijiet tal-fjuwil u faċilitajiet oħrajn għall-petrol u diesel.  

Hekk kif id-domanda għall-fjuwil; bdiet tiżdied kienu inbnew tankijiet oħrajn biex jirċievu fjuwil minn tankers li kienu jsorġu ma' dak li huwa magħruf bħala l-pont tax-Shell. Mat-tkabbir tal-industrija tal-avjazzjoni inbnew imbagħad iktar tankijiet. F'punt minnhom kien hemm 10 tankijiet kbar li kienu jżommu l-fjuwil, diesel, petrol u Jet A1. Meta l-Enemalta ħadet taħt idejha l-impjant fl-1979, it-tankijiet tal-fjuwil kienu mibdulin fi mħażen għad-diesel.  Fl-2003 kienu saru faċilitajiet ġodda biex jimtlew it-trakkijiet, sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ kbar li kienu jitħallew fil-viċinanzi għad-detriment ta' residenti Birżebbuġin. 
Fl-aqwa tiegħu fl-2019 dan l-impjant kellu 109 miljun litru petrol u 135 miljun litru diesel li kien jgħaddi l-aktar lil pompi tal-petrol. 

Dan kien ifisser medja ta' 11,400 trakk fis-sena. 

More in Politika