‘Jekk se naħdmu biss għat-turiżmu tal-massa, it-turist ta’ kwalità mhux se jiġi'

L-ILLUM titkellem ma’ wieħed mill-uffiċjali tal-AX Hotels biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni fil-lukandi. Kif sejrin? Bdew jirkupraw? Ġejjin turisti ta’ kwalità? Qed jinħass in-nuqqas ta’ ħaddiema? Tħassrulhom bookings? Kif qed iħarsu lejn ix-xhur li ġejjin?

Andy Tanti
Andy Tanti

Fl-aħħar xhur u ġimgħat il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ ħafna assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw oqsma differenti fis-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità, l-aktar oqsma li ħassew l-impatt tal-pandemija. Dawn jagħtuk stampa ta’ dak li qed jiġri iżda xi drabi, meta titkellem ma’ dawk li huma involuti direttament, mas-sidien jew l-operaturi, tkun tista’ tifhem aħjar dak li għaddew jew għaddejin minnu għax jirrakkontawlek esperjenzi konkreti. 

Dan huwa dak li għamlet il-gazzetta ILLUM din il-ġimgħa meta ltaqgħet ma’ Andy Tanti, wieħed mill-uffiċjali tal-AX Hotels, biex tifhem aktar u tmiss b’idha dak li għaddew u għaddejin minnhom il-lukandi (mhux biss tal-AX Group) f’dan il-perjodu li għadu wieħed diffiċli. L-AX Hotels għandha seba’ lukandi u kollha huma ta’ erba’ jew ħames stilel. Dan il-grupp, li huwa wieħed mill-akbar gruppi fejn jidħol is-settur tal-lukandi, ilu jopera għal dawn l-aħħar 40 sena.

“Nemmnu ħafna fil-kwalità tal-prodott. Dejjem nipprovaw noffru xi ħaġa differenti mill-aspett ta’ stil u l-kunċett tal-lukanda,” insista Tanti. Fil-fatt, l-AX Hotels għandha varjetà ta’ lukandi. Pereżempju f’Tas-Sliema għandhom lukanda ta’ erba’ stilel, The Victoria Hotel li għandha stil klassiku, The Palace, lukanda ta’ ħames stilel li hija aktar moderna u Palazzo Capua, Boutique Hotel. Fil-Qawra għandhom is-Seashells Resort at Suncrest, lukanda ta’ erba’ stilel u anke s-Sunny Coast Resort & Spa li tinkludi għadd ta’ appartamenti self-catering b’faċilitajiet ta’ resort. Fil-Belt għandhom imbagħad żewġ Boutique Hotels, jiġifieri The Saint John u Rosselli.

“Għandek seba’ lukandi, kollha differenti, li se jattiraw tip ta’ klijenti differenti,” insista Tanti.

Fuq kollox insista li l-enfasi tal-Grupp dejjem kien fuq l-impjegat, għax fi kliemu huma l-impjegati li jagħmlu l-lukanda u mhux sempliċiment il-bini. “Dan huwa evidenti anke meta tħares lejn ħaddiema li ilhom snin jaħdmu mal-Grupp. Nieħu minni personali. Jiena bdejt bħala pool attendent u bdejt tiela’ ftit ftit, sakemm illum jiena Director of Sales tal-lukandi kollha tal-AX,” insista.

Kompla jisħaq li l-Grupp huwa dinamiku ħafna. Fakkar kif riċentament ħareġ il-permess għal Boutique Hotel fiż-żona tal-Verdala filwaqt li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jaħdmu fuq proġett ta’ rinovazzjoni tal-lukanda Seashells. 

“Nazzarda ngħid li se tkun l-aqwa lukanda ta’ erba’ stilel f’Malta,” insista Tanti. “Hemm oqsma oħra bħall-kostruzzjoni, il-kura tas-saħħa u l-iżvilupp li l-AX Group huwa involut fihom imma l-akbar portafoll tagħna jibqgħu l-lukandi,” saħaq Tanti.

‘Għafsa ta’ qalb tara lukanda vojta u mitfija’

Bdejna nitkellmu fuq l-impatt tal-pandemija fuq il-lukandi tagħhom. Tanti insista li bħall-bqija tal-lukandi l-oħra, sas-sena 2019, kienu sejrin tajjeb ħafna. Tant hu hekk li fi kliemu, jekk wieħed jieħu l-medja, fl-2019 il-lukandi tagħhom kellhom okkupanza ta’ 82%. 

“Kważi kważi kuljum mimlija. Imbagħad ġiet l-2020. Xokk enormi għal kulħadd. Tkun ġej minn okkupanza ta’ 82% u f’ġimgħa ma hemm ħadd u l-lukanda mitfija. Meta tkun drajt f’ambjent daqshekk dinamiku, nies deħlin u ħerġin, min għall-ikel, min għal-laqgħat, tkun drajt il-ħoss u f’daqqa waħda ssib ruħek fi skiet perfett u tara kullimkien mitfi, tħoss għafsa ta’ qalb. Tweġġa’ tara dak ix-xogħol kollu kważi jisfuma fix-xejn,” insista Tanti.

Mistoqsi kif addattaw għal dan il-perjodu u x’miżuri ħadu, Tanti beda jisħaq li kien perjodu iebes ħafna, kemm mill-aspett finanzjarju iżda anke mill-benessri tal-impjegati. 

“Imma l-kumpanija dejjem kienet timxi b’ċertu għaqal. Dejjem riedet tikber u tinvesti imma tieħu ċertu passi meta tkun tiflaħ u allura setgħet tibni pedament b’saħħtu. Matul ix-xhur li konnha magħluqin, ix-xogħol ta’ manuntenzjoni baqa’ għaddej. Ħadna l-opportunità li nagħmlu ċertu xogħlijiet li ma setgħux isiru għax il-lukandi dejjem kienu mimlija, biex meta nerġgħu niftħu nkunu lesti,” kompla jisħaq Tanti.

‘L-impjegati xammru l-kmiem ... anke tas-sales u l-kokijiet għenu fil-manutenzjoni’

Tkellimna fuq l-impjegati, b’Tanti jisħaq li s-sitwazzjoni kienet diffiċli imma insista li l-fatt li d-diretturi, jiġifieri l-familja Xuereb u anke l-Kap Eżekuttiv u n-nies tiegħu żammew kuntatt dirett mal-ħaddiema, għen ħafna biex kulħadd jifhem dak li kien qed jiġri.

“Il-ħaddiema kienu assigurati kontinwament li ħadd mhu se jitlef xogħlu. Il-fatt li l-kumpanija kellha pedament sod u xorta bqajna naħdmu fuq proġetti ġodda, il-ħaddiema setgħu jserrħu rashom. Tant hu hekk li t-tnaqqis fil-pagi dam biss tliet xhur. Ilna minn Lulju 2020 bil-paga sħiħa,” kompla jisħaq. “Ħadd ma kien qed jistenna din is-sitwazzjoni imma flaħna għaliha għax konnha bilgħaqal.”

Apparti minn hekk, kompla jisħaq Tanti, l-impjegati kollha baqgħu jiġu involuti f’kull aspett ta’ dak li kien qed jiġri. Fil-fatt kien hemm ħaddiema li ma jaħdmux fil-manutenzjoni li “neħħew il-kappell tagħhom” u middew idejhom anke għal dan ix-xogħol. Fi kliemu, kien hemm ħaddiema tas-sales u saħansitra kokijiet li għenu fil-manutenzjoni u t-tindif.

“Kien hemm impjegati li minn jeddhom xtaqu jgħinu. Il-kommunikazzjoni mal-ħaddiema għenet. Ħafna riedu jibżgħu għal xogħolhom, kien hemm inqas konsum ta’ leave, imma fuq kollox, l-impjegati jħossuhom parti mill-grupp u għalhekk ħassewhom fid-dmir li jgħinu,” kompla jgħid.

Nuqqas ta’ ħaddiema ... ‘impatt kbir u evidenti’

F’din il-ħarġa, l-ILLUM tkellmet ħafna fuq in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-setturi tat-turiżmu u anke tal-ospitalità (ara paġna 9) li qed joffri sfida għall-operaturi. L-ILLUM tistaqsi lil Tanti jekk dan hux jinħass ukoll fil-lukandi tagħhom.

“Għalkemm dejjem rajna li nżommu l-impjegati kollha, kien hemm min għażel li jħalli l-industrija, fosthom ħaddiema barranin,” ikkonferma. “Nazzarda ngħid li l-impatt huwa kbir u evidenti.”

Tanti saħaq li għall-bidu, il-ħaddiema barranin fil-lukandi kien hemm bżonnhom biex jagħmlu xogħol ta’ tindif jew inkella biex iservu ta’ wejters jew fil-bars, iżda insista li dan l-aħħar kienu qed jaħdmu f’diversi dipartimenti.

‘Kellna nidħlu shifts fir-reception u anke nservu l-ikel’

“Kull dipartiment ġie affettwat. Nieħu minni personali. Kelli nidħol xi shifts fir-reception għax kellna nuqqas ta’ staff. Meta erġajna ftaħna u stajna nservu assisted buffets, peress li ma kellnix biżżejjed nies, jiena u l-istaff tiegħi tas-sales u anke uffiċjali oħra tal-lukanda, kien ikollna mmiddu jdejna wkoll u xi drabi anke nnaddfu l-imwejjed. Meta t-turisti bdew jiżdiedu, ir-rata ta’ impjegati ġodda ma bdietx tiela’ b’mod parallel,” insista.

Tant hu hekk li kellhom jittieħdu ċertu deċiżjonijiet iebsa, fosthom li jitnaqqsu xi servizzi jew inkella titnaqqas l-okkupanza tal-lukanda.

‘Xogħol fit-turiżmu huwa iebes imma huwa wkoll karriera’

L-ILLUM staqsietu x’jaħseb li qed iżomm Maltin, partikolarment żgħażagħ milli jaħdmu f’dan is-settur. 

“Fih id-diffikultajiet tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar aħna qed naħdmu meta ħaddieħor qed jieħu pjaċir. Mhux faċli taħdem is-Sibt filgħaxija jew il-Milied,” beda jisħaq Tanti. “Minkejja dan, xogħol f’lukanda hija karriera. Jiena nagħti eżempju bija nnifsi. Vera bdejt naħdem ta’ 15 u ssagrifikajt ħafna mill-ħin tiegħi mal-ħbieb imma ara fejn jien illum. Ma tridx tħares lejha bħala xogħol biss. Hemm ħafna opportunitajiet, tiltaqa’ man-nies u għandek fejn tikber anke barra minn Malta. Jekk tkun ambizzjuz, tista’ taħdem ma’ lukanda jew katina ta’ lukandi barra minn Malta u tirritorna b’esperjenza.”

Kien hawn li saħaq li hemm bżonn strateġija li tgħin liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema Maltin jifhmu li dan huwa settur li joffri opportuntajiet iżda insista li din l-istrateġija trid taħdem biex tbiddel il-mentalità fost il-ġenituri li ma tantx jimbottaw lil uliedhom biex jaħdmu f’dan is-settur għax huma xettiċi minnu.

‘Dis-sena t-turist ta’ kwalità mhux jagħżel lil Malta’

L-AX Hotels jiffokaw ħafna fuq il-kwalità, biżżejjed tħares lejn il-boutique hotels, iżda fl-aħħar ġimgħat ħafna operaturi lmentaw, anke ma’ din il-gazzetta, li turisti ta’ kwalità mhux jiġu. Innutaw dan? X’impatt qed ikollu?

“Kull turist li jiġi Malta għandu dritt ikollu esperjenza ta’ kwalità. Irrispettivament fejn qed joqgħod. Dan l-aħħar snin sar ħafna xogħol biex nattiraw turist ta’ kwalità. Saru ħafna investimenti mill-privat u anke mill-Gvern. Biżżejjed tħares lejn il-Belt,” saħaq Tanti. 

Insista li sfortunatament donnu li t-turist ta’ kwalità, din is-sena, mhux jagħżel lil Malta u dan ħassewh l-aktar fil-lukanda The Palace u anke fil-Boutique Hotel Rosselli. “Jista’ jkun li dan it-turist qed jagħżel ċertu destinazzjonijiet li huma inqas iffrekwentati biex ikun aktar sigur.”

Kien hawn li l-uffiċjal tal-AX Hotels insista li biex il-pajjiż jerġa’ jibda jattira turist ta’ kwalità jeħtieġ ibiddel l-enfasi tiegħu minn fuq turiżmu tal-massa. 

“Jekk se naħdmu biss biex nattiraw it-turiżmu tal-massa, nagħmlu x’nagħmlu t-turist ta’ kwalità mhux se jiġi,” insista. “It-turist ta’ kwalità jrid ċertu privatezza. Ma jridx jeħel fit-traffiku jew jeħel fil-kju, biex nagħtik eżempju. Turist ta’ kwalità se jara x’hemm madwaru. Jekk aħna qed ngħidu li għandek vantaġġ tiġi Malta għax id-distanzi huma qosra, ma jistax jagħmel nofsiegħa biex jasal mill-ajruport għall-Belt.”

‘Turist f’lukanda ta’ ħames stilel f’San Ġiljan x’qed isib mill-bieb ‘il barra?

Insista li hemm bżonn aktar ippjanar għax it-turist se jara dak li għaddej madwaru. Filwaqt li saħaq li xogħlijiet infrastrutturali huma importanti u kruċjali, insista li bħalissa hawn wisq xogħlijiet għaddejja f’salt u li setgħu saru qabel meta konnha magħluqa u t-turist kien jiġi u jsib kollox lest.

Saħaq ukoll li hemm bżonn aktar infurzar biex tiżdied id-dixxiplina inġenerali, mis-sewqan għall-indafa, għax l-immaġini hija importanti.

Insista li dan importanti biex ikun attirat kull tip ta’ turiżmu imma aktar u aktar jekk il-pajjiż irid turist ta’ kwalità. 

“Mhux se nitkellem fuq il-lukandi tagħna biss. F’San Ġiljan hemm lukandi ta’ ħames stilel tajbin ħafna u jattiraw turist ta’ kwalità. Imma malli t-turist joħroġ mil-lukanda, x’qed isib? Qiegħed japprezza dak li qed jara? X’aktarx li le,” insista. Saħaq li qed isir ħafna xogħol imma jekk mhux se jkun hawn dixxiplina għalxejn.

‘Kull turist jonfoq imma l-impatt ta’ turist ta’ kwalità huwa akbar’

Kompla jinsisti li turist ta’ kwalità se jonfoq. “Kull turist jonfoq, imma l-impatt ta’ turist ta’ kwalità huwa akbar. Se jixtrilek flixkun inbid tajjeb. Se jonfoq aktar fl-ikel. Irid gwida privat. Irid xufier privat. Irid imur dawra b’jott. Meta nattiraw turist ta’ kwalità, kulħadd se jgawdi. L-ekonomija hija katina. Mill-bidwi li qed ikabbar u jbigħ it-tadam tiegħu sal-lukanda li qed tilqa’ t-turist,” insista.

Kompla jisħaq li t-turist ta’ kwalità jfittex ukoll dak li jissejjaħ experiential holiday, fejn pereżempju jmur fl-irħula u jiltaqa’ man-nies tal-lokal, jiltaqa’ mal-bidwi, jiġbor l-ikel u forsi jsajjar u jiekol mal-bidwi. 

“Hemm ħafna opportunitajiet. Irridu naħdmu fuq dan l-aspett. Jekk in-nies tal-irħula jiftħu l-bieb tagħhom għal dan it-turist u jħossu milqugħ, inkunu qegħdin fid-direzzjoni t-tajba,” kompla jisħaq.

‘Il-valur tal-kanċellazzjonijiet kien sostanzjali’

Qlibna d-diskors u tkellimna wkoll fuq l-aħħar restrizzjonijiet dwar l-ivjaġġar hekk kif issa Malta se tilqa’ biss turisti b’ċertifikat tal-vaċċin. Tilfu bookings? X’kien l-impatt?

Tanti insista li l-impatt kien kbir tant li fi kliemu, matul il-ġimgħa ta’ wara, il-kanċellazzjonijiet żdiedu bi kważi 100% fuq il-ġimgħa ta’ qabel. “Bħala valur ta’ kanċellazzjonijiet kien wieħed sostanzjali,” kompla.

Spjega kif l-aktar milquta kienu x-xhur ta’ Lulju u Awwissu, hekk kif jidher li t-turisti li bbukkjaw għal aktar tard fis-sena, qed jistennew biex jaraw kif se tiżvolġi s-sitwazzjoni.

“Kellna lukanda li minn 90% okkupanza, tlifna fiha kważi nofs ix-xogħol,” insista. “Anke għall-impjegati. Jibdew jinkwetaw. Mhux faċli għalihom.” Madanakollu jidher li issa l-kanċellazzjonijiet waqfu u l-bookings reġgħu bdew deħlin.

‘Flok serraħna ras it-turist spiċċajna beżżajnih’ 

Mistoqsi x’jaħseb li seta’ sar aħjar, Tanti insista li bla dubju, id-deċiżjoni kellha tkun diskussa aktar mal-istakeholders kollha, biex tkun deċiżjoni meħuda aħjar u anke tkun ikkommunikata aħjar.

“Dan il-paniku fil-messaġġ inħass fil-midja barranija u forsi minflok serva biex iserraħ ras it-turist mlaqqam li ried jiġi Malta, x’aktarx li beżżgħu aktar,” insista.

‘Ottimist li s-sena d-dieħla tkun sena tajba’

Fl-aħħarnett, l-ILLUM staqsiet lil Tanti kif qed iħarsu lejn ix-xhur li ġejjin. Insista li hemm “ottimiżmu kawt” għax-xhur minn Settembru ‘l quddiem. Saħaq li mill-indikazzjonijiet li qed jieħdu, anke minn barra minn Malta, għalkemm fix-xitwa x-xogħol dejjem jonqos, xorta mistenni li jkollhom ċaqliqa.

“L-aspetattiva hija li bejn Marzu u April tas-sena d-dieħla għandu jkun hemm pass ikbar lejn ċertu normalità. Anke minn dak li jgħidulna l-organizzaturi tal-konferenzi. Dawn qed iħarsu lejn l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Allura dan jagħtina ftit indikazzjonijiet,” insista. “Biex noqorbu xi ftit lejn ix-xogħol li kellna fl-2019, żgur irridu nistennew is-sena d-dieħla.”

Madanakollu, Tanti huwa ottimist li s-sena d-dieħla se tkun waħda tajba anke jekk f’termini relattivi, fosthom għax il-programm tat-tilqim fl-Ewropa jkun mexa sew u anke għax il-kunfidenza tkun żdiedet.

“Nistennew li fejn jidħlu l-bookings, l-andament jibqa’ wieħed stabbli,” temm jisħaq.

More in Politika