L-ADPD b'seba' proposti sabiex Malta twaqqaf lil mafja milli tieħu l-għeruq u tirnexxi.

'Jeħtieġ li dan ir-rapport jkun spunt għal bidla fl-iżvilupp politiku, soċjali, kulturali u legali ta’ pajjiżna.'

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport mill-Bord ta’ Inkjesta stabilit wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo qal illi jeħtieġ li dan ir-rapport jkun spunt għal bidla fl-iżvilupp politiku, soċjali, kulturali u legali ta’ pajjiżna.

"Ir-rapport jidħol fid-detall tal-falliment tal-istat u tat-trasformazzjoni tal-istat f’qaddej ta’ interessi finanzjarji kbar." qalet l-istqarrija. 

Minħabba dan l-ADPD appellaw b'numru ta' proposti sabiex Malta tisaħħaħ "sabiex tiġġieled il-Mafja"

“Il-konklużjoni ewlenija tar-rapport hija li Malta inħakment mill-Mafja. Il-Mafja mhux sempliċement organizzazzjoni kriminali iżda wkoll mentalità kulturali li tippermetti tali organizzazzjoni tieħu l-għeruq u tirnexxi. Irridu nsaħħu l-istat tagħna biex niġġieldu l-Mafja"

Il-proposti huma dawn li ġejjin;

1. l-implimentazzjoni immedjata tar-rakkomandazzjonijiet leġislattivi u proċedurali li jinsabu fir-rapport tal-inkjesta, li tibda bl-iżvilupp ta’ liġijiet u istituzzjonijiet ġodda biex tiġi miġġielda l-Mafja;

2. Trasparenza assoluta fir-rabtiet bejn il-politika u n-negozju - il-bord huwa ċar li r-rabtiet bejn in-negozju u l-politika għandhom jiġu mmonitorjati u regolati.

3. tisħiħ tal-ġurnaliżmu investigattiv Malti, inkluż permezz ta’ riforma tal-liġi tal-midja ta’ Malta, tisħiħ tar-reġim legali għal talbiet taħt l-Att tal-libertà ta’ informazzjoni u allokazzjoni akbar ta’ riżorsi biex jiġu investigati theddid u vjolenza kontra l-ġurnalisti;

4. it-tisħiħ tal-liġi dwar il-Whistleblowing, biex jiġi żgurat li l-ebda uffiċċjal jew politiku ma jkun jista’ jimmina l-proċess;

5. regoli effettivi dwar il-lobbying permezz ta’ liġi speċifika fuq is-suġġett;

6. riforma bl-għeruq u x-xniexel tal-istituzzjonijiet investigattivi li suppost isegwu l-kriminalità organizzata. Huwa ċar li l-istituzzjonijiet investigattivi ta’ Malta fallew u se jkomplu jfallu fejn tidħol l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kriminalità u korruzzjoni f’livelli għoljin;

7.  li tinġarr ir-responsabbiltà fil-livelli kollha minn dawk kollha identifikati bħala li pparteċipaw jew aċċettaw il-ħolqien tal-klima u l-kundizzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għall-assassinju ta’ Caruana Galizia - dan jinkludi l-irfiegħ tar-responsabbiltà mill-kapijiet tal-awtoritajiet regolatorji identifikati fir-rapport tal-inkjesta li għalqu għajnejhpm għall-operat tal-mafja.”

L-ADPD temmew jgħidu li huma jittamaw li kulħadd jagħraf jirrifletti fil-fond u jiftaħ għajnejh għan-nuqqasijiet serji, u l-lakuni li tħallew jinġemgħu tul is-snin fl-istrutturi tal-istat Malta, kif deskritt fir-rapport tal-inkjesta.

More in Politika