'No Valletta No Party' ... L-isem ta' Whatsapp chat bejn Yorgen Fenech u l-eks Assistent Kummissarju

Illum, Matthew Caruana Galizia xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne

L-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kellu Whatsapp group ma' Yorgen Fenech u kien jisimha "No Valletta No Party."

Dan ħareġ waqt li llum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li matulha llum xehed Matthew Caruana Galizia, iben Daphne.

Caruana Galizia għamel madwar erba' sigħat jixhed dwar l-investigazzjonijiet li kienet qed taħdem fuqhom ommu u li mbagħad ħa f'idejh hu u kompla jaħdem fuqhom ma' ġurnalisti internazzjonali.

Insista li kien iddiskuta l-irwol ta' Silvio Valletta fl-FIAU ma' ommu u li dan kellu impatt fuq il-mod kif huma komplew bl-investigazzjoni tagħhom fuq l-Electrogas, li fi kliemu, Daphne Caruana Galizia mill-ewwel innutat li kien ftehim suspettuż.

Ix-xhud ewlieni fil-kumpilazzjoni huwa Melvin Theuma, l-intermedjarju fl-assassinju li kien ingħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar dan l-assassinju li heżżeż pajjiż.

Theuma kien irrekordja l-konverżazzjonijiet kollha li kien ikollu ma' Fenech u persuni oħra viċin tagħhom.

More in Politika