Tliet Kunsilli, disa' organizzazzjonijiet u residenti jiġbru €20,000 biex jappellaw kontra l-proġett tad-DB

L-appellanti qegħdin jitolbu li titħassar id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tippermetti lid-DB Group jibni żewġ torriijiet ta’ 18- u 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular, fuq art pubblika f’Pembroke

Viżawali ral-proġett tad-DB f'Pembroke
Viżawali ral-proġett tad-DB f'Pembroke

Tliet Kunsilli Lokali, disa’ organizzazzjonijiet u diversi residenti ta’ Pembroke appellaw mat-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar biex il-proġett tad-DB Group ikun jista’ jsir fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS. L-appell seta’ jsir wara li nġabret is-somma ta’ €20,000 mingħand mijiet ta’ donaturi biex seta' jsir dan l-appell. 

L-appellanti qegħdin jitolbu li titħassar id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tippermetti lid-DB Group jibni żewġ torriijiet ta’ 18- u 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular, fuq art pubblika f’Pembroke, f’żona residenzjali u li se jkollha impatti diżastrużi fuq siti storiċi importanti u postijiet ta’ sensittività naturali kbira.

Fl-appell tagħhom, il-Kunsilli Lokali, l-organizzazzjonijiet u r-residenti jelenkaw diversi raġunijiet għat-talba tagħhom biex jiġi revokat il-permess, fosthom dak li jgżidu illi huwa n-nuqqas ta’ konformità tal-proġett ma’ ħafna policies tal-ippjanar, "l-istudji difettużi u mhux kompluti li ssottometta l-iżviluppatur u l-proċess mimli irregolaritajiet li wassal għal laqgħa u deċiżjoni inġusta tal-Bord tal-Ippjanar."

L-istqarrija ssostni li l-azzjonijiet legali li ttieħdu wara d-deċiżjoni tal-2018 kienu wasslu biex jiġi mħassar il-permess li ħareġ fl-istess sena. "Permezz tar-rispons b’saħħtu tal-pubbliku għall-kampanja riċenti għall-ġbir ta’ fondi, l-appellanti għal darb’oħra se jkunu jistgħu jieħdu kull azzjoni legali possibbli li tista’ twassal għar-revokazzjoni tal-permess tad-DB. Appell ieħor kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li approvat l-Assessjar tal-Impatt Ambjentali (EIA) tal-proġett, diġà ġie mressaq fix-xhur li għaddew."

L-appell sar mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, il-Kunsill Lokali tas-Swieqi , ACT Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Rota, Sustainable Built Environment Malta, The Archaeological Society Malta u Għaxar residenti ta’ Pembroke u s-Swieqi. Dawn kollha bl-appoġġ ta' BirdLife Malta u Ramblers Association of Malta

More in Politika