L-Università qed titlob PCR test mill-impjegati li jsiefru u titlobhom l-informazzjoni dwar is-safra

L-MUT tisħaq li dan jikser il-liġijiet industrijali u tas-saħħa pubblika u ordnat lill-istaff akkademiku biex ma jipprovdix din l-informazzjoni

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qed takkuża lill-Università ta' Malta li mhijiex konformi mal-liġijiet industrijali u dawk tas-saħħa pubblika.

Dan wara li skont l-MUT, l-Università trid iġġiegħel lill-istaff akkademiku li se jsiefer matul is-sajf biex jagħmel PCR test qabel ma jirritornaw għax-xogħol wara l-btajjel.

Skont l-MUT dan ħareġ f’komunikazzjoni mibgħuta lill-impjegati tal-Università fejn l-amministrazzjoni qed teżiġi wkoll li kull min ikun ser isiefer irid jagħti l-informazzjoni kollha dwar is-safar, inkluż id-destinazzjoni, iż-żmien tal-btala u dettalji dwar il-vaċċinazzjoni.

"L-MUT oġġezzjonat bil-qawwi għal dan l-aġir, li mhuwiex konformi mal-liġi u mad-direttivi tas-saħħa pubblika, u ilbieraħ tat lill-Università 24 siegħa sabiex il-komunikazzjoni tiġi rtirata. Fin-nuqqas ta’ dan, u wara li l-utlimatum skada illum, il-union qed tagħti direttivi lill-istaff akkademiku sabiex ma jagħtix l-informazzjoni mitluba u jinjora tali komunikazzjoni," insistiet l-istqarrija.

L-MUT qalet ukoll li rrapportat l-aġir tal-Università ta’ Malta lis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika u lid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali.

More in Politika