Il-Prim Ministru Tuneżin Hichem Mechichi spiċċa tkeċċa mill-kariga, bil-Parlament jiġi xolt, wara protesti kbar madwar il-pajjiż li f'xi każi kienu saħansitra vjolenti. It-Tuneżija bħalissa qed tesperjenza mewġa qalila tal-Covid-19 b'mijiet ta' mwiet rreġistrati kull ġimgħa u sistema tas-saħħa li kienet deskritta bħala waħda li kkrollat. In-nuqqas ta' ossiġnu wassal biex mijiet ta' nies tħallew imutu, b'diversi siti internazzjonali tal-aħbarijiet jirrapportaw ġlied fl-isptarijiet bejn qraba u tobba/infermiera.
Din il-mewġa tal-Covid-19 kienet l-akbar waħda fil-pajjiż wara bidu tajjeb ferm is-sena l-oħra meta l-pajjiż deher illi kien qed jikkontrolla sew il-pandemija. Apparti li rat il-każi jisplodu għal xi minn daqqiet kważi 10,000 kuljum, rat l-imwiet ukoll jiżdiedu għal livelli bla preċedent, b'rekord ta' 317 f'24 siegħa ilbieraħ.
Matul il-jum tal-bieraħ, kien hemm protesti kullimkien b'eluf jinġabru f'Tunis, fost oħrajn. Kien hemm diversi attakki fuq il-kwartieri tal-partiti ta' Mechichi, Ennahda, fosthom f'Monastir, Sfax, El Kef u Sousse, filwaqt li f'Touzuer ingħataw in-nar.
Il-Gvern Tuneżin ta' Mechichi tqies minn bosta illi falla f'din il-ġlieda kontra l-pandemija hekk kif apparti l-każi u l-imwiet ir-rata ta' vaċċinazzjoni baqgħet taħt l-10% tal-poplu vvaċċinati.
Dan kollu - u lockdowns li saru matul l-aħħar xhur - ġab aktar tbatijiet ekonomiċi fuq dan il-pajjiż b'aktar nies bla xogħol, negozju relatat mat-turiżmu wieqaf u faqar.
Id-deċiżjoni tal-President Kaïs Saïed, filwaqt li waslet għal ċelebrazzjonijiet kbar fit-toroq, waslet wkoll għal akkużi ta' Kolp ta' Stat mill-membri tal-Partit Ennahda, bil-kriżi politika mistennija tiqliel.
Mill-ġdid, bħar-rivoluzzjoni li bdiet fit-Tuneżija u li wasslet għar-Rebbiegħa Għarbija fl-2012, il-protesti bdew permezz ta' attiviżmu fuq il-midja soċjali.