Futur inċert għall-Bolt f'Malta; Il-Qorti mitluba tordna x-xoljiment tal-kumpanija

Dan wara li wieħed mis-shareholders qed jisħaq li l-kumpanija mhijiex f'pożizzjoni li tħallas id-dejn li għandha minkejja li qed iżżid l-operat

Il-kumpanija Bolt jista’ jkun li tiffaċċja futur inċert f’Malta jekk il-Qorti taċċetta talba li saret quddiemha nhar il-Ġimgħa.

Fil-fatt, quddiem il-Qorti Kummerċjali tressqu żewġ applikazzjonijiet separati. Wieħed mis-shareholders fil-kumpanija, li jopera l-App tal-mowbajl, TXF Tech, qed ifittex lill-kumpanija u anke lil TXF Tunisia Holdings għal dejn ta’ €1.6 miljun, wara li l-kumpanija falliet milli tħallas żewġ pagamenti konsekuttivi.

Apparti minn hekk, is-Shareholder Debono Group Holdings, akkuża lil Bolt li mhijiex f’pożizzjoni li tħallas id-dejn tagħha u dan minkejja li l-operat tagħha jidher li qed isir dejjem iżjed popolari.

TXF Tech hija s-sieħeb tal-Bolt f’Malta, Ċipru u t-Tuneżija u anke shareholder f’BLT Malta u BLT Food Malta.

Debono Group għandu 20% tal-ishma f’TXF Tech.  Jidher li fix-xhur li għaddew kien intlaħaq qbil, quddiem il-Qorti, dwar id-dejn li kellha tħallas il-kumpanija, iżda l-Grupp informa lill-Qorti li minkejja dan il-qbil, 24 ġimgħa wara, id-dejn baqa’ ma tħallasx.

Jispjega wkoll kif fit-8 ta’ Lulju rċieva “s-somma miżera” ta’ €195,518.

Il-Grupp Debono jispjega wkoll kif minħabba d-dejn, li għandu jieħu mingħand TXF u Bolt, id-diriġenti daħlu f’diskussjonijiet mal-operatur fuq perjodu ta’ diversi xhur u li matulhom ingħata l-kelma, kemm-il darba, li d-dejn kien se jitħallas.

Madanakollu, il-Grupp qed jisħaq li llum, li jista’ jħares lura, jista’ jikkonkludi li dawn il-wegħdiet kienu “vojta” u li kienu intiżi biss biex jikkonvinċu lil Debono biex ma jiħux il-każ quddiem il-Qorti.

“Minkejja li l-operat tal-Bolt jidher li qed jiżdied, minn tal-inqas fit-triqat ta’ Malta, il-flus li għandu jieħu Debono baqgħu qatt ma ġew imħallsa. Huwa diffiċli biex wieħed jifhem kif kumpanija li ma tistax tħallas id-dejn tagħha għadha qed topera u bi preżenza qawwija fis-suq lokali,” tgħid l-applikazzjoni.

Apparti minn hekk, Debono Group qed jisħaq ukoll li TXF Tech u TXF Tunisia fallew milli jippreżentaw id-dokumenti finanzjarji u l-kontijiet awditjati tagħhom kif inhu mitlub mil-liġi.

L-Avukati ta’ Debono Group, Malcom Falzon u Jasmine Abela qed jitolbu lill-Qorti biex taħtar amministratur u anke tiddikjara li l-kumpanija mhijiex f’pożizzjoni li tilħaq mal-obbligi finanzjarji tagħha.

Qed jitolbu wkoll lill-Qorti biex tordna li x-xoljiment tal-kumpanij TXF Tech  Ltd u TXH Tunisia Holdings Ltd.

Tal-Bolt imorru l-Qorti u jordnaw lil Debono Group biex jirtira l-allegazzjonijiet

Intant, it-tliet kumpaniji Maltin li joperaw il-Bolt, ordnaw lil Debono Group biex jirtira d-dikjrazzjonijiet tiegħu jew inkella jiffaċċja proċeduri legali. Il-kumpaniji saħqu li Debono Group jaf li l-kumpaniji kapaċi jlaħħqu mal-obbligi finanzjarji tagħhom.

BLT Food Malta Ltd, BLT Operations Ltd u BLT Malta Ltf, ressqu protest ġudizzjarju, it-Tnejn filgħodu u fih saħqu li se jkunu qed iżommu lil Debono Group għad-danni. 

L-Avukati Franco Galea u Lucio Sciriha, li ffirmaw il-protest, qalu li l-kumpaniji qed jitolbu lil Debono Group biex jirtira l-allegazzjonijiet li għamel billi jagħmel dikjarazzjoni fuq il-midja lokali u fuq il-midja soċjali fi żmien 48 siegħa.

More in Politika