'Kieku għadna bla vaċċin bħalissa qed nerġgħu nagħlqu' - Fearne iwieġeb għall-kritika dwar il-Covid-19

Dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern laqqat xi ftit tal-kritika mhux ħażin dwar il-Covid-19, hekk kif il-każi bdew jinxterdu mill-ġdid minn studenti mhux imlaqqmin. Is-sit illum.com.mt iltaqa' mad-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne biex jistaqsih...

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne
Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne

Dawn l-aħħar ġimagħtejn reġgħu kienu ddominati mill-kwistjoni tal-Covid-19 f'pajjiżna u dawk ta' madwarna u ħafna ma tantx ħallewha lixxa fi kliemhom għall-Gvern minħabba ż-żieda fil-każi, prinċipalment imbuttata minn studenti tal-Ingliż. F'daqqa waħda ħafna qalu li morna lura għas-sajf tas-sena l-oħra u li erġajna qed nesperjenzaw mewġa oħra!

Il-gazzetta ILLUM għalhekk ippreżentat argumenti differenti li qed isiru minn nies fit-triq u fuq il-midja soċjali lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u talbitu jirrispondi għal kull wieħed minnhom. 

'Mela jiena ħadt il-vaċċin u xorta qabditni l-Covid...mela x'ħadtu nagħmel?'

Għal din l-istqarrija Fearne beda billi fakkar illi Malta sal-Ġimgħa kien l-aktar pajjiż imlaqqam fid-dinja, b'82% li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin u 86% li ħadu mqar doża waħda.  Apparti minn hekk qal illi żewġ terzi tat-tfal bejn it-12 u l-15-il sena huma imlaqqmin u sa din il-ġimgħa dan in-numru se jitla' għal tlieta minn kull erbgħa.

Fearne fakkar lil din il-gazzetta illi fl-aħħar jiem il-Gvern nieda l-walk-in clinics għal dawk kollha li ma kinux għadhom ħadu l-vaċċin, speċjalment għal dawk il-barranin li jgħixu pajjiżna. 

"Il-vaċċin jipproteġik ħafna milli taqbdek - kieku mhux hekk in-numri huma ħafna ikbar milli huma, bit-tixrid tal-varjant Delta. Madwarna hemm pajjiżi fejn għax ir-rata ta' nies imlaqqmin huma ftit, in-numru ta' każi sejri huwa kbir."

Huwa jsemmi t-Tuneżija fejn ifakkar li r-rata ta' vaċċinazzjoni hija baxxa (7.1%) u fejn m'għadx hemm ossiġenu x'jingħata bil-konsegwenza li qed imutu ħafna nies. 

"Bit-tilqima inti tkun protett ħafna iktar. Jekk taqbdek u ma tkunx ħadt il-vaċċin, l-ewwelnett ikun hemm ħafna oħrajn bħalek. Imma aktar minn hekk, il-probabbilità li tispiċċa l-isptar, jew l-ITU jew allaħaresqatt tmut hija ħafna ogħla milli jekk tkun ħadt il-vaċċin," sostna Fearne mal-ILLUM.

Huwa qal illi bin-numri ta' każi li l-pajjiż għandu llum, is-sena l-oħra kien hawn 'l fuq minn 150 persuna fl-isptar. "Illum b'2,500 każ attiv għandna inqas minn 20 persuna u dawk li hemm l-isptar il-maġġoranza tagħhom mhumiex imlaqqmin." (Din l-intervista saret qabel tħabbru n-nurmi tal-lum li juru 34 persuna l-isptar bil-Covid)

"Il-vaċċin tipproteġik li taqbdek il-Covid-19, milli tgħaddiha lil ħaddieħor, milli tiddaħħal l-isptar, milli tiddaħħal l-ITU u tipproteġik milli titlef ħajtek," saħaq id-Deputat PM. Huwa qal li l-poplu llum jinsab f'sitwazzjoni aħjar minn dawk il-pajjiżi fejn it-tilqim għadu lura. 

Dwar il-każi fl-isptar huwa jgħid li jkun hemm min imur għax iħoss sintomi, pero' hemm ukoll persuni li jidħlu għal xi operazzjoni u jirriżultaw fil-pożittiv. Fearne qal li fil-każ ta' nies li jkunu ġejjin minn xi dar tal-anzjani, per eżempju, jinżammu l-isptar. 

Huwa ħabbar ukoll li se jibdew mobile clinics filgħaxijiet, f'Buġibba u Marsaskala għal dawk li ma jkunux jistgħu jieħdu t-tilqima matul il-jum. 

'Ilħaqna l-herd immunity. L-aqwa fid-dinja fit-tilqim u xorta ħafna restrizzjonijiet. Għaliex? Ma wasalx iż-żmien li nneħħu r-restrizzjonijiet kollha?

Fearne iwieġeb dan is-sentiment billi jfakkar li meta bħal dan iż-żmien sena "kellna l-ammont ta' każi attivi fil-komunità li għandna llum, mhux talli ma konniex qed ineħħu r-restrizzjonijiet, talli konna qed inżiduhom." 

"Kieku ma għandniex it-tilqima kieku bħalissa kien ikollna nerġgħu ngħalqu," jisħaq Fearne ma' din il-gazzetta. Jinnota iżda li mhux talli l-pajjiż qed jagħlaq talli qed jiżdiedu n-nies li jistgħu jattendu ċerti attivitajiet u l-barranin iridu jkunu mlaqqmin qabel jiġu Malta. 
Kien hawn li Fearne indika illi jekk in-numri jkomplu kif inhuma f'termini ta' nies fl-isptar il-Gvern ikompli jirrilaxxa aktar  miżuri.  "Qed inħarsu, per eżempju, lejn tnaqqis mill-ġimagħtejn kwarantina jekk persuna biż-żewġ dożi jkollha kuntatt ma' persuna oħra li tiltaqa' ma' xi ħadd pożittiv," żvela Fearne.

Huwa fakkar li l-każi qed jiżdiedu kullimkien iżda f'Malta ma kienx hawn influss ta' pazjenti fl-isptar. 

"Issa din ta' turisti vvaċinati biss ma kellkhomx tagħmuluha qabel!? Mhux ġew ħafna studenti u ara kemm xerrduh il-virus!"

"Aħna ħadna l-passi meħtieġa mill-ewwel," jibda jirrispondi Fearne lil din il-gazzetta. Huwa jfakkar li l-Gvern dejjem qal illi jekk ikun hemm problema jmur pass lura. 

"U kien għalhekk li ħadna kollox pass, pass ħalli jekk ikun hemm problema nieħdu pass wieħed biss lura," spjega. 

Huwa qal li għalhekk il-Gvern ħa l-passi kollha meħtieġa biex jikkoreġi s-sitwazzjoni ladarba l-każi bdew tilgħin, deċiżjoni li jfakkar illi mhux kulħadd ħa gost biha. 

Fearne temm ifakkar li madwar 70,000 familja jgħixu direttament minn dħul mit-turiżmu u kien għalhekk li l-Gvern ħa d-deċiżjoni li turisti mlaqqmin biss jistgħu jidħlu Malta (dawk mhux imlaqqmin iridu joqgħodu kwarantina). Saħaq li dan huwa punt tajjeb biex Malta tbigħ lilha nnifisha bħala destinazzjoni "sigura."

Imma l-ECDC xorta tefgħet lil Malta fuq l-aħmar. Ma tinkwetakx allura din? Morna 'back to square one'?

Id-Deputat PM ifakkar li l-ECDC qed tħares lejn is-sitwazzjoni bl-istess angolu ta' meta ma kienx hawn ħafna tilqim. "Qabel l-aktar kriterju importanti kien il-każi fil-komunità, hekk kif bejn wieħed u ieħor 15% sa 20% ta' dawk pożittivi kienu jispiċċaw l-isptar. Jiġifieri iva, sewwa għamlet li kkalkulat b'dan il-mod."

Fearne qal iżda li sa issa qed jidher li pajjiżi b'rata għolja ta' tilqim dan il-persentaġġ u r-rabta bejn il-każi u persuni li jkollhom jiddaħlu l-isptar inbidlet. 

Huwa qal illi l-Gvern bħalissa qed jitkellem mal-ECDC dwar jekk dan il-kalkolu għandux jibda jgħodd fih ukoll nies li jinsabu fl-isptarijiet u l-ITU, f'pajjiżi fejn ir-rata ta' persuni mlaqqmin hija għolja. 

"Importanti pero' nifhmu li sa issa ma nistgħux naslu għal konklużjoni ċerta. Irridu nistennew bejn 10 u 15-il jum ieħor fejn ikun aktar ċar li ma hemmx rabta bejn il-każi u persuni fl-isptarijiet.  Sa issa ma hemmx ċertezza imma l'hemm jidher li mexjin."

'Dan x'taħwid! Kull vaċċin jaħdem l-istess jew le?'

"Sa issa l-vaċċin jaħdem fuq il-varjanti kollha," jibda jispjega Chris Fearne. 

Huwa qal iżda li bħalissa d-dinja qed tħares lejn il-Peru u pajjiżi tal-Amerika Latina fejn hemm varjant ġdid li jidher illi l-vaċċin Ċiniż ma jaħdimx fuqu. "Jiġifieri qed nevalwaw x'inhu jiġri u jekk vaċċin taħdimx aktar kontra varjant minn vaċċin ieħor."

Huwa qal ukoll li jista' jkun vaċċin ikollu effettività inqas minn ieħor fit-tul u allura jkun jirrikjedi booster. 

Dwar il-booster huwa qal illi filwaqt li l-Gvern għandu biżżejjed għal din is-sena, id-dieħla u anke ta' warajha għalissa ma hemm ħadd preparat għall-booster għax għad ma hemmx l-evidenza li turi l-bżonn tiegħu għalissa. 

Huwa qal li jekk imbagħad maż-żmien jirriżulta li dawk li ħadu l-vaċċin f'Jannar jew Frar li għadda tonqsilhom l-immunità, "forsi nagħtu lilhom."

Imma teskludi aktar lockdowns?

"Jiddependi ħafna x'varjanti se jkollna fil-futur," jibda jirrispondi Fearne. "Fi Frar ta' din is-sena kont ktibt lill-Kummissjoni Ewropea u fakkarthom li jista' jiġi żmien fejn tiskadi l-immunità ta' vaċċin jew inkella jkun hemm varjanti li ma jkollniex vaċċin li jaħdem kontrihom, u allura rridu ninvestu f'oħrajn," spjega Fearne. 

"Sa issa, bil-varjanti li għandna u l-livell ta' immunità li għandna - bir-rata ta' nies fl-isptar kif inhi nistgħu nkompu nimxu lejn ħajja normali. Imma nibqgħu viġilanti."

Huwa qal li dak li jrid jitħabbar għal x'se jiġri wara s-16 ta' Awwissu se jieħu kunsiderazzjoni proprju n-numru ta' nies fl-isptarijiet u fl-ITU.

More in Politika