Koppja Maltija tinqabad barra minħabba r-restrizzjonijiet; Ifittxu għad-danni lill-awtoritajiet

Il-koppja ma tħallewx jinżlu Malta minkejja li għamlu PCR test u rriżulta fin-negattiv ... sal-lum għadhom maqbuda barra

Koppja Maltija li nqabdet barra minn Malta minħabba r-restrizzjonijiet ġodda tal-ivjaġġar, ħadu lill-awtoritajiet tas-saħħa quddiem il-Qorti fejn qed jitolbu li jitħallsu għad-danni wara li vaganza spiċċat ħażin.

Il-koppja preżentaw protest ġudizzjarju llum kontra l-Ministeru għas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Il-koppja, flimkien mat-tifel tagħhom ta' ħames snin, kienu l-Portugal għal btala tal-familja. Huma telqu fis-7 ta' Lulju. Għamlu PCR test u ppreżentaw it-test negattiv lill-awtoritajiet Portugiżi flimkien mad-dokumenti oħra mitluba.

Meta kienu barra, biex jirritornaw Malta, għamlu test ieħor li wkoll kien negattiv.

Imma fit-12 ta' Lilju, meta l-koppja kienet barra, il-Ministru Chris Fearne ħabbar restrizzjonijiet ġodda, fejn persuni li jkunu jridu jidħlu Malta, iridu bilfors jippreżentaw ċertifikat tat-tilqima qabel jitilgħu fuq l-ajruplan.

Dan l-avviż legali ġie emendat biex Maltin li nqabdu barra minn Malta u li ma kellhomx ċertifikat, setgħu jirritornaw b'test negattiv li jkun sar 72 siegħa qabel il-wasla.

Fid-dawl ta' dawn l-emendi, il-koppja għamlet it-test u rriżultat negattiv. Minkejja dan, il-koppja ma tħallitx titla' abbord l-ajruplan u qalulhom li riedu l-permess tal-awtoritajiet Maltin u ntalbu jibgħatu email.

Bagħtu l-email iżda kienu sfurzati jestendu l-btala tagħhom fil-Portugal sakemm jirċievu tweġiba. Minflok iddeċidew li jmorru r-Renju Unit biex joqogħdu ma' familja sakemm tissolva s-sitwazzjoni.

Sal-lum dawn għadhom l-Ingilterra, minkejja li talbu l-permess biex jirritornaw. Qalu li rċevew biss email lura b'informazzjoni fuq il-kwarantina li skonthom, lanqas taqbel ma' dak imħabbar.

Fil-protest, il-koppja qed jisħqu li dan kollu wassal  biex kellhom jidħlu għal spejjeż żejda u spiċċaw ibatu minn stress, speċjalment binhom.

Kien għalhekk li ressqu l-protest u qed jirriservaw id-dritt li jfittxu lill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin għad-danni.

More in Politika