Il-Ħabs jammetti li fl-2008 u fl-2017 imblokka n-numri ta' Xarabank u ta' Peppi Azzopardi

It-tmexxija preżenti tħabbar li ddeċidiet li dawn in-numri ma jibqgħux imblukkati - L-IĠM tieħu nota, tikkundanna u turi t-tama li affarijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħi

Fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal illi l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ammettiet illi imblukkat numru landline u mobile ta' Peppi Azzopardi fl-2008 u fl-2017 rispettivament, biex b'hekk il-priġunieri ma jkunux jistgħu jċemplulu. Kien Azzopardi li fetaħ dan l-ilment u li fih ilmenta illi l-ħabs kien qed jimblokkalu l-aċċess għan-numru tal-programm ta' Xarabank - 21249200 - kif ukoll tan-numru tal-mowbajl tiegħu. 

Azzopardi argumenta li l-priġunieri jistgħu jċemplu lill-familja, ħbieb, avukati u anke ġurnalisti imma mhux lilu. Dan hekk kif kemm hu u anke Xarabank iddiskuta l-kwistjoni tal-ħabs u l-priġunieri diveri drabi.

Il-Kap tal-Amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin Randolph Spiteri qal illi ħa nota ta' dan l-ilment u instab li n-numru tiegħu kien imblukkat "snin ilu". "Fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni ma tteħditx mit-tmexxija preżenti ma aħniex f'pożizzjoni ngħidu għaliex dan in-numru kien imblukkat," qal Spiteri. Il-Landline kien imblukkat fl-2008 filwaqt li l-mowbajl kien imblukkat fl-2017. 

“Illum, it-tmexxija ta-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ma tara l-ebda raġuni għalfejn dawn in-numri għandhom jibqgħu mblukkati. Għalhekk, ittieħdu l-passi neċessarji biex dan ma jibqax iseħħ,” Spiteri żied jgħid.

Filwaqt li nnota l-azzjoni immedjata li ħadet it-tmexxija tal-ħabs, l-IĠM kkundanna bla riżerva lill-awtoritajiet tal-ħabs talli waqqfu lill-priġunieri milli jikkuntatjaw ġurnalist. "Din hi ċensura u ċċaħħad lill-ħabsin mill-aċċess għal ġurnalist li kien qed jirrapporta fuq il-kundizzjonijiet fil-ħabs." 

L-IĠM temm jesprimi tama li ċensura bħal din ma terġax isseħħ. 

More in Politika